Friday, June 5, 2026

Iċ-Ċina tipprojbixxi erba’ MPs ta’ New Zealand wara żjara fit-Tajwan

Aqra wkoll

Għall-ewwel darba, iċ-Ċina pprojbiet erba’ Membri Parlamentari ta’ New Zealand milli jidħlu fil-pajjiż għal sena wara ż-żjara tagħhom fit-Tajwan. Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin ta’ New Zealand.

Skont rapporti fil-midja internazzjonali, il-Membri Parlamentari saru jafu bil-projbizzjoni – li l-Ambaxxata Ċiniża qalet li tista’ titnaqqas jew titneħħa jekk issir apoloġija – meta rritornaw lura miż-żjara tagħhom f’Mejju.

Iċ-Ċina tqis lit-Tajwan bħala parti mit-territorju tagħha u ppruvat tillimita l-involviment internazzjonali b’rabta ma’ din il-gżira.

Madankollu, din kienet l-ewwel darba li ċ-Ċina imponiet projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar ta’ Membri Parlamentari ta’ New Zealand minħabba żjara fit-Tajwan – pass li “ssorprenda” lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin, Winston Peters.

“Il-Membri Parlamentari ta’ New Zealand ilhom iżuru t-Tajwan għal għexieren ta’ snin, u żjarat bħal dawn mhumiex inkonsistenti mal-politika ‘One China’ ta’ New Zealand,” qal kelliem għal dan il-Ministeru f’kummenti mal-midja internazzjonali.

Fi stqarrija maħruġa l-Ħamis, l-Ambaxxata Ċiniża fi New Zealand qalet li l-projbizzjoni kienet riżultat tal-fatt li l-Membri Parlamentari “injoraw it-tħassib serju taċ-Ċina” u insistew li jżuru t-Tajwan fil-kapaċità tagħhom bħala parlamentari.

L-istqarrija tgħid li din iż-żjara bagħtet “sinjali żbaljati” lid-Democratic Progressive Party li jinsab fil-gvern fit-Tajwan u lill-forzi favur l-“indipendenza tat-Tajwan”, filwaqt li żiedet li dan kien jikkostitwixxi “indħil fl-affarijiet interni taċ-Ċina”.

Iż-żjara ta’ Mejju kienet tinkludi lil-leġiżlaturi tal-koalizzjoni fil-gvern – Maureen Pugh, David Wilson u Laura McClure – kif ukoll lil Duncan Webb mill-Partit Laburista fl-oppożizzjoni.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport