L-MPE Thomas Bajada kiseb l-approvazzjoni tal-pożizzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (ECON) tal-Parlament Ewropew dwar il-Pjanijiet Nazzjonali u Reġjonali ta’ Sħubija (National and Regional Partnership Plans) – wieħed mill-pilastri ewlenin tal-qafas finanzjarju fit-tul li jmiss tal-Unjoni Ewropea. Ir-rapport, li għalih Bajada serva bħala Rapporteur f’isem il-Kumitat, ġie approvat b’maġġoranza qawwija u jistabbilixxi l-viżjoni tal-Parlament dwar kif għandhom jiġu investiti biljuni ta’ ewro f’fondi Ewropej bejn l-2028 u l-2034.
Fil-qalba ta’ din il-proposta hemm il-ħolqien ta’ Pjanijiet Nazzjonali u Reġjonali ta’ Sħubija ġodda, li jiġbru taħt qafas wieħed il-politika ta’ koeżjoni, il-finanzjament għall-agrikoltura, l-appoġġ għas-sajd u l-finanzjament relatat mal-affarijiet interni. Skont il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea, ir-rata ta’ kofinanzjament għal Malta tonqos għal 40%, jiġifieri l-Unjoni Ewropea tkopri 40% tal-investiment fil-proġetti filwaqt li l-bqija jkun irid jiġi ffinanzjat mill-Gvern jew mill-benefiċjarji.
Sabiex jindirizza din il-kwistjoni, ir-rapport ta’ Bajada jistipula li gżejjer bħal Malta għandhom jibbenefikaw minn rata preferenzjali ta’ kofinanzjament ta’ 75%. Bajada ddeskriva din il-proposta bħala pass importanti biex il-gżejjer jingħataw l-għodod meħtieġa sabiex jikkompetu b’mod ġust fis-Suq Uniku Ewropew u biex jingħelbu l-isfidi permanenti li joħolqu ostakli għall-aċċess u l-benefiċċji minn dan is-suq.
Barra minn hekk, għall-ewwel darba fl-istorja tal-finanzjament Ewropew, ir-rapport ta’ Bajada jinkludi kapitlu dedikat għaż-żoni ġeografikament żvantaġġati, fosthom il-gżejjer – approċċ li tradizzjonalment kien riservat biss għar-reġjuni ultraperiferiċi u għall-gżejjer tal-Eġew.
Matul in-negozjati kollha, Bajada sostna b’mod konsistenti li l-mudell futur tal-finanzjament Ewropew għandu jirrikonoxxi l-isfidi strutturali li jaffaċċjaw l-istati u r-reġjuni gżejjer.
Huwa żied jinnota li d-diffikultajiet reċenti fil-konnettività marittima kkawżati minn kundizzjonijiet tat-temp estrem servew bħala tfakkira ċara lill-kollegi tiegħu madwar l-Ewropa dwar il-vulnerabbiltajiet li jaffaċċjaw il-komunitajiet tal-gżejjer.
Ir-rapport jenfasizza wkoll l-importanza tal-kontabilità demokratika u tal-parteċipazzjoni lokali fil-ġestjoni tal-fondi Ewropej. Huwa jwissi kontra rabtiet eċċessivament riġidi bejn l-allokazzjoni tal-fondi u rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi jew indikaturi makroekonomiċi, filwaqt li jisħaq li l-komunitajiet lokali m’għandhomx jiġu penalizzati għal sfidi li ma jkunux taħt il-kontroll tagħhom.
Wara l-vot, Bajada qal li l-finanzjament Ewropew għandu jibqa’ ffukat fuq in-nies, il-komunitajiet u r-reġjuni, u mhux jinbidel f’eżerċizzju purament teknokratiku.
“Il-finanzjament Ewropew għandu jsaħħaħ ir-reżiljenza, itejjeb il-benesseri u jgħin lill-komunitajiet jippreparaw għall-isfidi tal-futur. Għandu jibqa’ marbut mar-realtajiet li ċ-ċittadini jesperjenzaw kuljum, inklużi dawk li jgħixu fil-gżejjer madwar l-Ewropa,” qal Bajada.
Bajada temm billi tenna l-impenn tiegħu li jżomm l-interessi ta’ Malta fiċ-ċentru tan-negozjati hekk kif ikomplu d-diskussjonijiet dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss.


