Total ta’ 367 player minn 21 klabb -16 mill-BOV Challenge League u ħamsa mill-Assikura Women’s League – ibbenefikaw mill-programm ta’ screening mediku ta’ qabel l-istaġun, inizjattiva li kienet offruta għall-ewwel darba mill-Malta Football Players Association (MFPA).
Din l-inizjattiva tkompli ssaħħaħ l-impenn tal-MFPA favur is-saħħa u l-benesseri tal-plejers, bil-programm ta’ screening jagħtihom l-opportunità li jwettqu evalwazzjoni medika importanti qabel il-bidu ta’ staġun ġdid.
Bħala parti minn dan il-programm, il-plejers wettqu sensiela ta’ testijiet mediċi bil-għan li jiġu identifikati problemi potenzjali ta’ saħħa u fatturi ta’ riskju. Fl-istess waqt, din l-inizjattiva għandha l-għan li tħeġġeġ approċċ aktar proattiv fejn jidħol il-monitoraġġ tas-saħħa tal-plejers fil-futbol Malti.
Carlo Mamo, is-Segretarju Ġenerali tal-MFPA, qal: “Il-programm ta’ screening mediku qabel il-bidu tal-istaġun, li kien mifrux fuq medda ta’ diversi ġimgħat bejn Ġunju u Awwissu, kien jirrikjedi impenn loġistiku u finanzjarju sostanzjali, hekk kif dan il-proġett kien ikkoordinat u ffinanzjat kompletament mill-MFPA.
“Aħna sodisfatti ħafna li l-isforzi kollettivi tagħna ħallew il-frott mixtieq, bil-programm jintlaqa’ tajjeb ħafna mill-partijiet kollha involuti, fosthom il-plejers, il-klabbs, il-professjonisti mediċi u l-Malta Football Association.
“Issa li l-programm ġie fi tmiemu, l-MFPA se tevalwa r-riżultati tiegħu bil-għan li tikkonsolida din l-inizjattiva u tkompli tiżviluppaha s-sena d-dieħla. Dan il-programm huwa marbut mill-qrib ma’ waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-MFPA – is-saħħa u l-benesseri tal-plejers.”
PJATTAFORMA DIĠITALI
Sabiex il-proċess ikun aktar faċli u effiċjenti, l-MFPA żviluppat pjattaforma diġitali apposta għall-programm ta’ screening mediku. Permezz ta’ din il-pjattaforma, ma kienx hemm bżonn li t-tobba jimlew il-formoli manwalment jew li l-klabbs jiskennjaw u jipproċessaw id-dokumentazzjoni medika.
Minflok, l-amministraturi tal-klabbs irċevew ir-rapporti mediċi tal-plejers u r-riżultati tal-ECG b’mod elettroniku. B’hekk, il-proċess sar aktar effiċjenti filwaqt li tnaqqas ukoll il-piż amministrattiv kemm fuq it-tobba kif ukoll fuq il-klabbs.
SESSJONIJIET EDUKATTIVI
Il-programm kien jinkludi wkoll aspett edukattiv importanti. Minbarra t-testijiet mediċi, il-plejers ħadu sehem f’sessjonijiet dwar diversi suġġetti marbuta mal-karriera u l-benesseri tagħhom, fosthom is-Safeguarding, in-Nutrizzjoni, ir-Relazzjoni mal-Midja, id-Drittijiet u l-Obbligi tal-Plejers, l-Anti-Doping u l-Manipulazzjoni tal-Logħob, Injury Prevention, u First Aid.
B’kollox saru 19-il sessjoni mmexxija minn esperti fl-oqsma rispettivi, sessjonijiet li taw lill-plejers informazzjoni speċjalizzata u gwida prattika dwar dawn is-suġġetti. Din l-inizjattiva kellha wkoll l-appoġġ tal-Awtorità għall-Integrità fl-Isport Malti (AIMS), li pprovdiet il-kelliema għas-sessjonijiet dwar l-anti-doping u l-manipulazzjoni tal-logħob.
L-MFPA xtaqet tirringrazzja lit-tobba li wettqu l-iscreening mediku matul ix-xhur tas-sajf, kif ukoll lill-esperti kollha li taw il-kontribut tagħhom waqt is-sessjonijiet edukattivi.
L-Assoċjazzjoni tirringrazzja wkoll lill-Malta Football Association għall-appoġġ tagħha għal din l-inizjattiva billi għamlet disponibbli l-eks klinika tat-timijiet nazzjonali fl-Istadium Nazzjonali, fejn sar il-programm mediku u anke s-sessjonijiet edukattivi.




