Rapporti fuq il-midja, fosthom TVM News qegħdin jgħidu li fl-aħħar sigħat ġew arrestati wħud mill-membri tal-ġurija li servew fil-ġuri ta’ Yorgen Fenech.
Sorsi li tkellmu ma’ TVM qalu li fl-aħħar sigħat tliet ġurati li kienu msejħa jisimgħu u jagħtu verdett fil-ġuri ta’ Yorgen Fenech, kienu qed jiġu mitkellmu mill-Pulizija, b’rabta ma’ investigazzjonijiet li jinsabu għaddejjin.
Ġie rraportat ukoll li f’dan l-istadju qed tiġi eskluża kompletament il-possibiltà ta’ influwenza illeċita fuq il-ġurati minn terzi.
Ir-raġuni ewlenija wara l-mistoqsijiet mill-investigaturi hija li l-ġurati għamlu stqarrijiet pubbliċi fuq il-mezzi soċjali qabel ġew imsejħa sabiex jisimgħu l-ġuri.
L-istess sorsi li tkellmu mal-midja qalu li fil-każ ta’ żewġ ġurati dawn kienu jinkludu tixrid ta’ posts ta’ natura politika, li jmorru lura numru ta’ snin u li skont il-ġurati ma ftakrux li għamluhom meta bil-ġurament qalu li ma esprimewx ruħhom pubblikament dwar dan il-każ.
Fil-każ ta’ ġurat ieħor l-istess sorsi qalulna li għal xi raġuni, il-mobile tiegħu inxtegħel waqt li kienu għaddej il-ġuri.
Huwa mifhum li dawn l-investigazzjonijiet jistgħu jiffurmaw parti mill-argumentazzjoni fl-appell li l-Avukat Ġenerali tista’ tressaq fil-jiem li ġejjin skond it-terminu li tipprovdi l-liġi.
