Thomas Tuchel stqarr li t-telfa tal-Ingilterra kontra l-Arġentina fis-semi-finali tat-Tazza tad-Dinja se tibqa’ “ferita” permanenti għalih.
L-Ingilterra kienet qed tidher li kienet riesqa lejn il-finali hekk kif Anthony Gordon poġġiehom fil-vantaġġ fil-55 minuta.
Madankollu, l-Arġentina ma qatgħux qalbhom u Enzo Fernandez kiseb id-draw ħames minuti biss qabel it-tmiem. Fil-ħin miżjud, Lautaro Martinez skorja t-tieni goal biex ta lill-Arġentina rimonta drammatika u elimina lill-Ingilterra.
Tuchel ġie kkritikat għall-għażliet tattici tiegħu matul l-aħħar parti tal-logħba. B’19-il minuta għal tmiem il-partita, huwa ssostitwixxa player offensiv ma’ Ezri Konsa u qaleb għal sistema b’ħames difensuri. Aktar tard daħħal ukoll lil Dan Burn u Nico O’Reilly. Dawn il-bidliet wasslu biex l-Ingilterra marret aktar lura u ħalliet lill-Arġentina jieħdu l-kontroll tal-partita.
Waqt intervista għad-dokumentarju tal-FA, Tuchel spjega li l-mentalità tat-team inbidlet wara tackle ddisprat ta’ Djed Spence biex iwaqqaf attakk tal-Arġentina.
Skont Tuchel, il-players bdew jilagħbu bħallikieku kien fadal biss ftit minuti, minkejja li fil-fatt kien għad fadal madwar nofs siegħa. L-Ingilterra tilfu wkoll il-pussess tal-ballun u naqsu milli jirreżistu għall-pressjoni aggressiva tal-Arġentina.
Tuchel iddefenda d-deċiżjoni tiegħu li jdaħħal difensur ieħor, billi qal li l-Arġentina kienu qed jattakkaw b’ħafna players u jużaw ħafna crosses.
Madankollu, huwa rrikonoxxa li l-pjan ma rnexxiex. Huwa qal ukoll li ma jistax ikun jaf jekk approċċ aktar offensiv kienx jagħti riżultat differenti.
Issa Tuchel irid iħalli d-diżappunt warajh u jiffoka fuq il-kampanja tal-Ingilterra fil-UEFANations League, b’logħbiet kontra r-Repubblika Ċeka, Spanja u l-Kroazja. F’dawn il-ġranet huwa mistenni jħabbar l-ewwel skwadra tiegħu minn wara t-telfa fit-Tazza tad-Dinja.




