Sunday, May 4, 2025

Maicon u Stefania Marchionna mistiedna speċjali tal-Inter Club Gozo fl-okkażjoni tal-10 Anniversarju mit-twaqqif tal-klabb

Aqra wkoll

Din is-sena fl-okkażjoni li l-Inter Club Gozo qed jiċċelebra l-10 anniversarju tagħhom, fi tmiem il-ġimgħa li ġejja ser ikunu qed iwettqu diversi attivitajiet fejn bħala mistiedna speċjali ser ikun hawn fostna il-ex plejer leġġendarju li rebaħ it-trippletta ma’ Inter FC fl-2009-2010, Maicon Douglas Sisenando, kif ukoll Stefania Marchionna – la madrina dell’Inter 2021.

Dan tħabbar minn Joe Bajada, president tal-Klabb tal-partitarji Interisti Għawdxin fejn qal li ser ikun xieraq li ser jinġieb fostna Maicon, eks plejer Internazzjonali Brażiljan, rebbieħ darbtejn tat- Tazza tal-Konfederazzjonijiet tal-FIFA (2005 il-Ġermanja u 2009 l-Afrika t’Isfel), kif ukoll żewġ rebħiet oħra tal-Copa América (2004 Peru u 2007 Venezwela). Huwa fakkar fl-unuri li rebaħ Maicon ma’ l-Inter, fosthom 4 Kampjonati tas-Serie A fl-2006–07, 2007–08, 2008–09, 2009– 10; darbtejn il-Coppa Italia fl-2009–10, 2010–11; tliet darbiet is-Supercoppa Italiana fl-2006, 2008, 2010; darba il-UEFA Champions League fl-2009–10 u darba oħra il-FIFA Club World Cup fl-2010.

Il-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet ser tkun il-Gala Dinner nhar is-Sibt 10 ta’ Mejju 2025 fil-Grand Hotel, l-Mġarr, Għawdex fis-7:30pm. Minħabba d-domanda qawwija għal biljetti, reġgħu nfetħu l-bookings biex ħadd ma jkun iddiżappuntat. Wieħed jista jibbukja sa nhar l-Erbgħa li ġejjin ma’ Alvin Grech (Revolut 99884411), jew Shaun Attard (Revolut 79710719 jew BOV app 79045773).

Attivita’ oħra ser tkun sessjoni ta’ taħriġ għas-subien Għawdxin tal-U/13 fil-Gozo Stadium li ser titmexxa mill-istess Maicon.

Bajada radd ħajr mill-qalb lil Visit Gozo,Visit Malta, Grand Hotel u Gozo Frank Travel tal-appoġġ tagħhom f’din il-miġja fostna għall-ewwel darba fil-gżejjer Maltin ta’ Maicon Douglas Sisenando u Stefania Marchionna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport