Sunday, December 22, 2024

Mal-100 tifel u tifla b’abiltajiet differenti se jitgħallmu l-mużika f’Villabianca

Aqra wkoll

Mal-100 tifel u tifla b’diżabilità se jkunu fost tal-ewwel li jmorru fiċ-Ċentru Villabianca għall-Mużika u l-Arti li mistenni jiftaħ il-bibien tiegħu fil-ġimgħat li ġejjin.

Dan iċ-ċentru f’Birkirkara – l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu fil-pajjiż fejn se jkunu offruti lezzjonijiet ta’ mużika adattata u terapija bil-mużika – jirrispondi għal nuqqas li kien jeżisti fejn dawn it-tfal kienu spiss esklużi milli jesploraw il-kapaċitajiet mużikali tagħhom.

Għal dan il-għan ġie ffirmat Memorandum of Understanding bejn il-Malta Trust Foundation u l-MAVC Malta School of Music fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni. Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, iż-żewġ naħat se jaħdmu fuq inizjattivi biex jgħinu tfal li m’għandhomx aċċess għall-mużika u l-arti.

Iċ-Chairman tal-Malta Trust Foundation, Marie-Louise Coleiro Preca qalet li: “għall-ewwel darba qegħdin inġibu l-inklużjoni fil-qasam tal-mużika. Fl-imgħoddi, l-iskejjel tal-mużika ftit kellhom kapaċità jew riżorsi biex ikunu jistgħu jieħdu tfal b’ħiliet diversi. Dan iċ-ċentru se jippermetti lil dawn it-tfal jaċċessaw dinja ġdida kollha mużika.” 

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana saħqet li l-inklużjoni u l-ekwità huma kkunsidrati strumentali biex jipprovdu l-pedamenti sodi għal edukazzjoni ta’ kwalità. Qalet li dan il-ftehim huwa pass importanti biex l-istudenti kollha jingħataw l-istess drittijiet, opportunitajiet u riżorsi. 

Ekonomija

Sport