Friday, June 19, 2026

Mal-100,000 familja se jibbenefikaw mill-mekkaniżmu addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Għar-raba’ sena konsekuttiva se jkun qiegħed jitħaddem il-mekkaniżmu addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja. Dan huwa ntiż biex flimkien mas-sussidju fuq il-prezzijiet tal-enerġija u taċ-ċereali jagħti sostenn addizzjonali lill-familji bi dħul baxx jew medju. Aktar minn 100,000 familja din il-ġimgħa se jitħallsu t-tieni pagament li jkopri l-perjodu minn Lulju sa Diċembru 2026.

Hemm ukoll 1,311-il familja li se jkunu qegħdin jirċievu l-pagament ta’ sena sħiħa wara applikazzjoni. Dawn l-applikazzjonijiet ikunu nfetħu fil-perjodu Jannar sa Marzu sabiex jolqtu lil dawk il-persuni li ma jkunux jistgħu jiġu individwati mis-sistema awtomatika. 

F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ħamis filgħodu, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Politika Soċjali u l-Familja Mark Musu qal li bejniethom dawn il-kważi 102,000 familja qed jirċievu total ta’ €28 miljun. Huwa żied jispjega li b’kollox, bl-ewwel pagament li kien sar f’Diċembru 2025 u li kien ikopri l-perjodu minn Jannar sa Ġunju 2025, l-investiment totali għas-sena 2026 ilaħħaq kważi €56 miljun. 

Is-Sur Musù qal li dan il-benefiċċju qed jingħata lil familji li d-dħul tagħhom huwa taħt id-dħul medjan nazzjonali ekwivalizzat. Skont l-aħħar ċifri tal-NSO dan ilaħħaq €20,430 għal persuna waħda. Id-dħul ekwivalizzat ivarja skont id-daqs tal-familja. 

Ir-rata bażika tal-benefiċċju li fuqha qed jinħadmu r-rati għas-sena 2026 hija ta’ €5.24 fil-ġimgħa (kumpens addizzjonali tal-COLA akkumulat mill-2023 sal-2026). Jekk id-dħul ekwivalizzat tal-familja jaqa’ taħt ir-riskju tal-faqar, l-ammont fil-ġimgħa jkun iżjed minn hekk – jekk ikun ogħla mir-riskju tal-faqar, l-ammont ikun anqas minn hekk. 

Għaldaqstant, aktar ma d-dħul ikun baxx, ogħla se jkun il-benefiċċju li jitħallas. L-istess jiġri fil-każ tad-daqs tal-familja, akbar ma hi kbira l-familja, aktar il-benefiċċju.

Il-benefiċċju jvarja bejn minimu ta’ €200 fis-sena (€3.85 fil-ġimgħa) u massimu ta’ €1,500 fis-sena (€28.85 fil-ġimgħa)

Is-Sur Musù rrimarka li firxa wiesa’ ta’ familji qed igawdu mill-benefiċċju, mhux biss familji f’riskju ta’ faqar jew vulnerabbli qed jibbenefikaw, iżda wkoll dawk fil-faxxa medja tas-soċjetà. Bosta minn dawn il-benefiċjarji matul is-sena jitħallsu wkoll diversi tipi ta’ benefiċċji soċjali oħra. 

Aktar minn nofs il-benefiċjarji mhumiex f’riskju ta’ faqar iżda għandhom dħul ekwivalizzat li hu ogħla mil-livell tar-riskju tal-faqar iżda jikkwalifikaw għax huwa anqas mill-medjan nazzjonali.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja Michael Falzon qal li l-prinċipju li fuqu huwa bbażat dan il-mekkaniżmu hu proprju dak li jgħin lin-nies. Sostna li l-ħidma tal-Gvern f’dan il-qasam ma waqfet xejn u se jibqa’ jkun hemm għal dawk li għandhom bżonn. 

“L-impenn tagħna huwa li dan il-mekkaniżmu nħalluh hemm u nibqgħu nsaħħuh. Dan hu Gvern li qiegħed hemm għan-nies. U l-impenn tagħna hu li nibqgħu nkunu hemm għan-nies. L-investiment fin-nies se jkompli,” tenna l-Ministru Falzon. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport