Friday, June 19, 2026

“Wasalt… imma rrid inkompli miexi u naħdem qatigħ għall-irkupru tiegħi”

Fl-2025, il-Caritas rat rekord ta’ 1,038 persuna li ħabbtet il-bieb tagħha minħabba d-droga u l-familji tagħhom

Aqra wkoll

Matul is-sena li għaddiet, il-Caritas rat rekord ta’ 1,038 persuna li ħabbtet il-bieb tagħha minħabba d-droga u l-familji tagħhom. Minn dawn 253 kellhom admission f’wieħed mill-programmi residenzjali ta’ Caritas, 132 ħadu servizz minn Tal-Ibwar u rat 426 qarib ta’ dawn il-persuni.

B’kollaborazzjoni mal-Ministeru tal-Politika Soċjali u The Alfred Mizzi Foundation, is-sena li għaddiet 327 użaw xelter ta’ emerġenza – Dar Papa Franġisku u Dar Maria Dolores, 23 użaw il-programm Reach (second stage shelter) waqt li 606 persuni vulnerabbli ħadu servizz ta’ ikel bla ħlas minn Dar Papa Franġisku. 

Kien id-Direttur ta’ Caritas Malta, is-Sur Anthony Gatt, li ta dawn id-dettalji waqt iċ-ċerimonja ta’ gradwazzjoni ta’ persuni li temmew b’suċċess programm ta’ rijabilitazzjoni mill-użu tad-droga. Sitt persuni li rnexxielhom itemm b’suċċess dan il-vjaġġ u waslu għal din it-tappa tal-gradwazzjoni.

“Tappa li mhi faċli xejn. Hemm min ilu jikkumbatti snin twal ħafna u jipprova programm wara ieħor biex illum qiegħed hawn,” qal id-Direttur ta’ Caritas Malta fid-diskors tiegħu. 

Huwa semma kif wieħed mill-gradwati kien stqarr miegħu li ma kienx jemmen li se jasal s’hawn, iżda jaf ukoll li l-irkupru ma jiqafx hawn u dan hu bidu għal kapitlu ġdid f’ħajtu. “Wasalt, imma rrid inkompli miexi u naħdem qatigħ għall-irkupru tiegħi,” kien qallu dan il-persuna. 

“Wara kull numru hemm ħajja ta’ persuna u l-familja tiegħu”

Is-Sur Gatt semma wkoll kif permezz tas-Servizzi Preventivi, daħlu fi 23 skola u raw madwar 8,193 tifel u tifla. Dan filwaqt li daħlu f’16-il kumpanija u waslu għal 643 impjegat. 

Il-Caritas rat ukoll 303 persuni fis-Servizzi ta’ Counselling u Social Work ġeneriċi, u aktar minn 260 persuna jattendu kull ġimgħa diversi gruppi ta’ appoġġ. “Wara kull numru hemm ħajja ta’ persuna u l-familja tiegħu,” qal is-Sur Gatt. 

Huwa tkellem dwar l-iżviluppi li seħħew fix-xhur li għaddew u semma fost oħrajn l-użu ta’ electronic tagging li jagħti għodda oħra lill-Qrati biex jgħinu nies jersqu għall-programm mingħajr ħabs. Dan flimkien mal-impenn tal-Gvern biex jissaħħaħ il-volontarjat u l-isport. 

Huwa tenna wkoll li r-reviżjonijiet li saru tal-fondi mill-Gvern għar-renewals tal-PSP agreements kienu kruċjali biex tejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-istaff ta’ Caritas u b’hekk il-kundizzjonijiet huma viċin dawk taċ-ċivil.

Is-Sur Gatt semma wkoll kif il-bini ta’ appartamenti fin-Naxxar, wara li kienet ingħatat dar b’donazzjoni lil Caritas minn familja privata biex isir proġett ta’ Supported Housing, wasal biex jitlesta. “Għajnuna sostanzjali tal-Housing Authority, flimkien ma’ numru ta’ benefatturi u Fondi Ewropej ERDF biex nifdu l-ispejjeż tal-binja u nittamaw li s-sena d-dieħla jibda jopera u jkun jista’ jilqa’ madwar 14-il persuna.”

“Proġett li se jkun jista’ jilqa’ b’mod temporanju persuni li jlestu programm b’suċċess imma li jkunu homeless jew li ma jistgħux jirritornaw fl-ambjent fejn kienu jgħixu qabel. Hawnhekk qegħdin f’diskussjoni mal-Ministeru tal-Politika Soċjali,” kompla jgħid id-Direttur ta’ Caritas Malta. 

“Il-maġġoranza tal-klijenti jiġu minħabba l-kokaina”

Dwar fejn jixtiequ jaslu, is-Sur Gatt qal li sfortunatament l-użu tal-ħaxixa fil-pubbliku għadu hemm. Enfasizza fuq l-importanza ta’ infurzar b’saħħtu, li fi kliemu dan l-infurzar huwa wkoll għodda ta’ protezzjoni speċjalment lil min hu l-iktar vulnerabbli. 

Tenna jgħid li s-sitwazzjoni tal-kokaina u l-crack cocaine tibqa’ inkwetanti. Fil-fatt, huwa qal li l-maġġoranza tal-klijenti tagħhom (54%) jiġu minħabba l-kokaina.

Fir-rigward tal-adoloxxenti, is-Sur Gatt qal li l-liġi tal-Correctional Care Order qed tħalli frott għall-minuri li jkunu tilfu kull kontroll. Però rrikonoxxa li għad hemm żgħażagħ bi mġiba diffiċli ħafna, fejn m’hemmx problema ta’ droga jew profil ta’ personalità, li Tal-Ibwar mhux adegwat għalihom. 

Hawn qal li Secure Therapeutic Unit jibqa’ l-intervent ideali biex jilqa’ dawk iż-żgħażagħ u dawk b’Correctional Care Order. “Nafu li hemm ħidma mill-Gvern biex dan jitwaqqaf u jawgura tajjeb,” qal id-Direttur ta’ Caritas Malta.

Finalment huwa qal li f’Malta qegħdin minn quddiem nett fil-kullana ta’ servizzi ta’ rijabilitazzjoni. “Ma nafx b’pajjiżi li persuna tagħmel proċess ta’ xhur fi programm, servizzi kollha bla ħlas, benefiċċji anki għal min jagħmel progamm. Anki pajjiżi żviluppati ħafna m’għandhomx ir-rikezza li għandna aħna. L-iżvilupp ekonomiku żgur għamilha possibbli li nkunu qed nagħmlu dan kollu u fl-istess nifs l-iżvilupp ekonomiku jikkawża problemi soċjali li nikkumbattu magħhom ta’ kuljum.

“Soluzzjonijiet hemm dejjem, uħud jinvolvu iktar riżorsi finanzjarji, uħud jinvolvu direzzjoni politika, u finalment uħud jinvolvu x’se nagħmel jien u int biex nagħmlu l-ġid u nevitaw dak li jġib il-ħsara kulħadd fl-isfera tiegħu,” temm jgħid id-Direttur ta’ Caritas Malta. 

L-E.T. Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, attendiet għaċ-ċerimonja ta’ gradwazzjoni fiċ-Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas immexxi minn Caritas Malta.

Fil-messaġġ tagħha, il-President sellmet il-kuraġġ, il-perseveranza u d-determinazzjoni tal-gradwati, filwaqt li saħqet li din il-kisba tirrappreżenta pass importanti lejn bidu ġdid. Hija enfasizzat ukoll l-irwol kruċjali tal-Caritas li, permezz tal-appoġġ u l-gwida tagħha, tgħin lill-persuni jerġgħu jsibu posthom fis-soċjetà b’dinjità, reżiljenza u tama.

Fi tmiem iċ-ċerimonja, il-President ta’ Malta, flimkien mal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi u d-Direttur ta’ Caritas Malta Anthony Gatt, ippreżentaw iċ-ċertifikati lill-gradwati.

Preżenti kien hemm ukoll il-Prim Ministru Robert Abela. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport