Sunday, May 19, 2024

Mal-4,000 student bdew jirċievu l-assesjar tagħhom mill-MATSEC

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Mil-lum 4,000 student bdew jirċievu l-assessjar tagħhom mill-MATSEC minħabba li din is-sena ma setgħux isiru l-eżamijiet tal-SEC bħas-snin preċedenti minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Il-proċess li bih il-livell ġie stabbilit kien rigoruż, robust u intenzjonat biex ibassar bl-iktar mod possibbli l-livell li student kien ikun kieku għamel l-eżamijiet tas-SEC f’Mejju. 

Iċ-Chairperson tal-MATSEC Odette Vassallo qalet li din is-sitwazzjoni kienet sfida mingħajr preċedent għal kulħadd u riedu jkunu ċerti li din is-soluzzjoni, fejn fiha jitbassar il-livell tal-istudenti, ikun b’mod ekwu mal-istudenti kollha. 

Dan seta’ jkun possibbli grazzi għall-kollaborazzjoni mal-iskejjel kollha, kemm tal-istat, tal-Knisja u skejjel indipendenti, biex tinġabar l-informazzjoni kollha fejn mhux biss inġabru l-marki li ngħataw fil-Mocks iżda ħarsu wkoll lejn l-informazzjoni li kellhom marbuta mal-prestazzjoni tal-istudenti fis-snin preċedenti, dik magħrufa bħala historical data. 

Id-Direttur Eżekuttiv tal-MATSEC Dario Pirotta qal li dan kien proċess twil mhux ħażin li beda minn Marzu fejn inġabru l-marki tal-Mocks kollha, talbu l-iskejjel għall-kopja tal-eżami u l-iskema tal-marki.

Pirotta assigura li l-prijorità tagħhom kienet li jissalvagwardjaw il-progress tal-istudenti għall-istadji li jmiss fl-istudji tagħhom. Dan ifisser li l-livelli se jibqgħu validi bħal kull kwalifikazzjoni li setgħu ġabu mill-eżami tas-SEC u jinkudi wkoll għal applikazzjoni futura fl-Università.

Huwa spjega li dawk l-istudenti li xorta jixtiequ li jkollhom il-grad tradizzjonali jistgħu jirreġistraw onlajn u bla ħlas mis-17 ta’ Lulju biex jagħmlu l-eżami f’Settembru 2020. 

Sport