Wednesday, December 25, 2024

“Mal-PN ma tafx x’se tieħu imma taf x’se joħodlok”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Mal-PN ma tafx x’se tieħu imma taf x’potenzjalment se jkun qiegħed joħodlok”. Hekk beda biex jgħid il-Ministru għall-Ekonomija u l-Intrapriżi Silvio Schembri waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar il-proposti relatati mas-settur konċernat imressqin miż-żewġ partiti.

Schembri qal li filwaqt li l-Partit Laburista dejjem kien ċar li mhuwiex se jżid piżijiet ġodda fuq in-negozji, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sa minn qabel bdiet il-kampanja elettorali qal li ġaladarba l-piżijiet u l-prezzijiet jogħlew barra minn Malta għandhom jogħlew hawnhekk ukoll.

Fakkar li kieku sar kif qal il-Kap tal-Oppożizzjoni fi żmien il-pandemija, f’pajjiżna l-prezzijiet fil-kontijiet tad-dawl kienu jitilgħu b’20 fil-mija.

Filwaqt li rrikonoxxa sfidi li tista’ ġġib magħha l-invażjoni fl-Ukrajna, Schembri qal li l-partit Nazzjonalista qiegħed ifittex l-iskuża biex jekk kemm-il darba jingħata l-fiduċja biex imexxi nerġgħu nsibu ruħna f’sitwazzjonijiet tal-passat.

Il-Ministru tkellem dwar uħud mill-proposti fil-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista u sostna li dawn l-istess proposti se jkunu qegħdin jitfgħu piżijiet ġodda fuq il-familji Maltin u Għawdxin. Huwa qal li din mhijiex sorpriża minħabba l-fatt li l-istess nies li kienu kitbu l-programm elettorali tal-elezzjoni preċedenti, huma l-istess nies li kitbu dawn l-aħħar proposti.

Schembri qal li għandna Kap tal-Oppożizzjoni li ma jafx jagħmel id-differenza bejn kont bankarju ta; persuna privata u kont bankarju ta’ kumpanija. Huwa sostna li hawnhekk toħroġ id-differenza bejn iż-żewġ partiti u li jeħtieġ li l-poplu jagħżel tmexxija serja li toffri miżuri serji kif fil-fatt qiegħed jipproponi gvern Laburista.

Fost il-proposti tal-Partit Laburista Schembri semma kif taħt gvern ġdid Laburista;

  • Kull negozju se jkun qiegħed jiffranka sa €25,000 f’taxxa
  • Garanzija tal-orħos prezzijiet fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma
  • Drittijiet ġodda bħal aċċess għal kont bankarju bażiku
  • Aċċess għal credit review office biex jara li t-talbiet tas-self tiegħu ma jkunux miċħuda mingħajr spjegazzjoni valida
  • Ċentralizzat il-proċess ta’ due diligence 
  • Għotja ta’ 30 fil-mija li titla sa 40 fil-mija fuq kapital fiss jekk l-investiment isir f’Għawdex
  • Inċentiv fil-qalba sostenibbli
  • Servizz ta’ startups taħt entità waħda

“Meta tara dan il-pakkett kollu tkompli tikkonferma li l-PL huwa l-għażla naturali tan-negozji u s-self employed ta’ pajjiżna”, temm jgħid il-Ministru.

Ekonomija

Sport