Sunday, December 22, 2024

“Malli ssaffret is-suffara, ħriġna b’mod ċar bil-viżjoni konkreta li għandna għall-pajjiż”

Aqra wkoll

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li bħala Partit għandhom viżjoni konkreta u mhux viżjoni tal-concrete. Qal li lbieraħ malli ssaffret is-suffara, ħarġu b’mod ċar bil-viżjoni konkreta li għandhom il-pajjiż.

Waqt attività politika minn ġewwa Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta, Grech qal: “Ilbieraħ ħabbarna li se nkunu qed nagħmlu fond ta’ biljun ewro. Imma għaliex se nimxu b’dan il-mod? Għaliex inti biex taqta’ l-frott irid ikollok is-siġra tal-frott imma biex ikollok din, trid tiżra dik is-siġra u hekk kif għamlu missirijietna f’dan il-partit meta għexieren ta’ snin ilu bnew ekonomija reżiljenti.”

Grech qal li bħala PN bnew numru ta’ pilastri, fosthom dak ewlieni kien tas-servizzi finanzjarja. Huwa semma oħrajn fosthom tal-gaming, il-farmaċewtika u l-avjazzjoni

Grech qal: “Issa wasalna għall-pass li jmiss. Wara 10 snin ta’ Gvern Laburista li fih ma ħolqu ebda pilastru politiku, aħna qed ngħidu li rridu mill-ġdid billi nsaħħu l-ekonomija u nżidu għaxar pilastri ekonomiċi. Dan il-biljun ewro se jkun qed jissarraf biex nibnu numru ta’ pilastri fosthom il-metaverse.”

Żied jgħid: “Aħna l-ġid li noħolqu, aħna noħolquh għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri biex jibqgħu jgawdu t-tfal tagħna u t-tfal tat-tfal tagħna. Dik hija l-viżjoni tal-gvern tagħna. Allura għamlu kuraġġ, qed ngħidu b’mod ċar li għandna viżjoni imma l-viżjoni tagħna hija waħda li hija bbażata fuq il-fatti.”

“Nista niggarantilkom li bħalma għamilna fil-passat, li ħloqna setturi b’saħħithom u għadhom b’saħħithom sal-lum, se nkunu qed niggarantixxu li Gvern Nazzjonalista jerġa’ jibni l-ekonomija u se jkun qed ikattar dawn is-setturi ekonomiċi għal pajjiżna,” qal Grech.

Sostna li: “Tant għandna ideat u x’noffru lil dan il-pajjiż li kelna ġenn biex noħorġu l-proposti tagħna anke qabel bdiet il-kampanja elettorali.”

Tkellem ukoll dwar l-importanza li Malta toħroġ mill-grey list għax qal li l-mument li toħroġ, ikollna ċertifikat li dan huwa pajjiż nadif li inti jixraqlek li tinvesti fih. “Ħaddieħor meta għednilu li aħna konvinti li fi tliet xhur noħorġu lill-Malta mill-grey list qalilna: kif jista’ jkun? Għalih ma jistax ikun għax min ħoloq il-problema ma jistax ikun is-soluzzjoni għal dik il-problema.”

Grech qal li l-Prim Ministru Robert Abela mar jiġri jagħmel l-elezzjoni għax kien qed jinkwieta li kull ġurnata li tgħaddi se jkun qed jitlef il-maġġoranza li għandu sal-lum.

“Il-messaġġ qed jasal. In-nies qed tinduna li ma jistax ikun li jerġa’ jkollna ħames snin ta’ Partit Laburista fil-Gvern,” qal Grech.

Ekonomija

Sport