Tuesday, September 24, 2024

MALTA BILINGWI BL-ILSIEN MALTI PRIJORITÀ

Aqra wkoll

Il-ħtieġa li nrawmu u nassiguraw mentalità akbar favur l-ilsien Malti miktub u mitkellem hija xi ħaġa li ilna ħafna ninsistu dwarha. Qabel xejn irridu nżommu f’rasna li l-ilsien tagħna huwa huwa dak li jagħtina l-identita tagħna. Huwa l-karatteristika ewlenija li tiddistingwina minn ġnus oħra.

F’dan il-kuntest, bħala poplu għandna għalxiex inkunu kburin li minkejja ċ-ċokon ta’ pajjiżna, gżira żgħira f’nofs il-baħar Mediterran, għandna l-ilsien endemiku tagħna. Pajjiżi oħra, ferm akbar minna, m’għandhomx dan il-privileġġ u l-lingwa tagħhom hija komuni għal ħafna pajjiżi differenti. 

Għalhekk konna sorpriżi mhux ftit meta l-aħħar Ċensiment tal-Popolazzjoni għall-għaxar snin bejn l-2011 u l-2021 żvela li wieħed minn kull erbat itfal taħt l-għandhom bejn l-10 u d-19-il sena jqisu l-Ingliż bħala l-lingwa primarja tagħhom.

Huwa kollu minnu li f’pajjiżna llum hawn jgħixu eluf ta’ familji barranin li x’aktarx uliedhom m’għandhom ebda għarfien tal-Ilsien Malti. Imma mhux dan huwa l-punt. Il-punt hu li l-parti kbira sew ta’ dawn it-tfal huma f’familji li joqogħdu San Ġiljan, Tas-Sliema, is-Swieqi u l-Imdina li aktarx mhumiex żoni fejn jgħixu l-biċċa l-kbira tal-barranin. Huwa minnu wkoll li l-ilsna uffiċjali ta’ Malta huma l-Malti u l-Ingliż imma li jkun hemm 25 fil-mija tat-tfal li jagħżlu l-Ingliż u mhux il-Malti hija fil-fehma tagħna sitwazzjoni inkwetanti.

Tajjeb li niftakru li lsienna huwa uniku għax huwa wkoll l-uniku lsien semitiku uffiċjali fl-Unjoni Ewropea. Madanakollu ma rridu bl-ebda mod ninftehmu li aħna ma narawx il-fatt li uliedna qegħdin jitrawmu f’ħila ta’ iktar lingwi, iżda nemmnu li l-ilsien Malti għandu jiġi meqjus bħala l-ogħla lingwa fosthom.

Hawnhekk ta’ min nistaqsu jekk il-kurrikulu fis-sistema edukattiva huwiex biżżejjed biex irawwem aktar il-ġibda fost it-tfal lejn l-ilsien ta’ art twelidna. Filwaqt li napprezzaw l-isforzi ta’ bosta awturi Maltin li qegħdin jiktbu kotba bil-Malti aktar minn qatt qabel, u anke l-isforz ta’ artisti li qegħdin jimbuttaw għall-istess għan fost l-oħrajn, jekk il-Malti se nittraskurawh u ma neħdux ħsiebu għad jasal dak iż-żmien fejn jiddispjaċina iżda mbagħad jaf ikun tard wisq.

Sport