Monday, November 4, 2024

Malta bl-akbar ammont ta’ midalji tad-deheb qatt miksuba fil-logħob dinji ta’ Special Olympics

Aqra wkoll

Hekk kif ġew fi tmiemhom il-logħob dinji ta’ Special Olympics fil-25 ta’ Ġunju 2023 ġewwa l-belt kapitali Ġermaniża Berlin, Malta kisbet l-akbar ammont ta’ midalji tad-deheb f’kemm ilha tikkompeti f’dawn il-logħob b’total ta’ 16-il midalja. Pajjiżna kkompeta f’sebgħa dixxiplini sportivi dawk tal-atletika, bocce, bowling, ċikliżmu, għawm, golf u table tennis.

F’dawn il-logħob l-atleti Maltin kisbu wkoll 11 il-midilja tal-fidda u 4 tal-bronz, bl-ammont totali ta’ midalji mirbuħa jammonta għal 32. L-atleti Maltin ikompetew f’total ta’ 45 avveniment sportiv differenti, bil-kontinġent Malti jkun magħmul minn 22 atleta u 5 unified partners.

Bħala parti mill-programm tal-logħob dinji ta’ Special Olympics 2023, id-delegazzoni Maltija pparteċipat ukoll permezz tal-atleti tagħha fil-Global Youth Leadership Summit kif ukoll fil-Global Athletes Congress. Dawn l-atleti Maltin kellhom l-opportunita’ li jaqsmu esperjenzi differenti ma’ parteċipanti oħra minn madwar id-dinja. Dr. Lydia Abela, President ta’ Special Olympics Malta pparteċipat ukoll f’sessjoni ta’ diskussjoni dwar il-promozzjoni tal-inklużjoni tan-nisa u tfajliet b’diżabilta intelletwali.

F’dawn il-logħob spikkaw diversi atleti li kisbu prestazzjonijiet eċċelletti fosthom Gareth Borg u Luke Burke, fejn fiċ-ċikliżmu u l-bowling b’tant ħila u determinazzjoni, rebħu 3 midalji tad-deheb kull wieħed fl-avvenimenti kollha li kkompetu fihom.

Il-President ta’ Special Olympics Malta Dr. Lydia Abela ferħet lill-kontingent Malti għal impenn u d-determinazzjoni li wrew f’dawn il-logħob tant prestiġjuż. “Is-soċjeta tirbaħ meta tqis u tagħti valur lil kull wieħed u waħda fi ħdana. Il-logħob dinji ta’ Special Olympics huma propju ċelebrazzjoni u xhieda ħajja ta’ inklussivita, fejn l-abiltajiet differenti jinghaqdu permezz tal-isport f’għan komuni dik li kulħadd ikun protagonist.” tenniet Dr. Abela hekk kif laqghet l-atleti mal-wasla tagħhom minn Berlin, il-Ġermanja.

“Il-ħidma intensiva li twettqet matul ix-xhur li għaddew wasslet għal riżultat sodisfaċenti u onoruz. Huma mumenti partikolari bħal dawn li jkomplu juru l-ħtieġa ta’ għarfien kontinwu dwar l-importanza tal-inkluzjoni fost is-soċjetajiet tagħna fejn l-isport iservi ta’ xprun biex kulħadd ikollu sehem attiv.” sosniet Anna Calleja, Direttur Nazzjonali tal-Special Olympics Malta, filwaqt li rringrazzjat lis-staff tekniku kollu tal-impenn qawwi li wrew biex inkisbu dawn ir-riżultati hekk pożittivi. B’mod partikolari, Anna Calleja tenniet l-aprezzament tagħha lejn id-direttur sportiv Christabel D’Amato fejn b’tant determinazzjoni u dedikazzjoni kkordinat il-ħidma marbuta mal-iżvilupp u l-preparazzjoni tal-atleti Maltin biex ikunu jistgħu jinkisbu dawn ir-riżultati hekk sbieħ għal pajjiżna.

Special Olympics Malta tirringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi kollu tas-sapport kontinwu u tħares ‘l quddiem għal aktar ħidma favur il-persuni b’diżabilita’ intelletwali.

Sport