Fil-Polonja, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul attenda l-Konferenza tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li trattat l-impatt tal-intelliġenza artifiċjali u l-avvanz teknoloġiku fuq is-suq tax-xogħol.
Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul innota li l-użu tal-intelliġenza artifiċjali f’pajjiżna qed iħalli impatt pożittiv f’diversi oqsma fis-suq tax-xogħol, fosthom fil-qasam tal-kura tas-saħħa, fis-settur finanzjarju u anke fil-manifattura, iżda saħaq li rridu nirrikonoxxu li dan l-avvanz jista’ jġib miegħu sfidi ġodda.
“Għalhekk, filwaqt li rridu nibqgħu minn ta’ quddiem nett bħala pajjiż biex nieħdu l-aqwa mit-teknoloġiji moderni, speċjalment mill-intelliġenza artifiċjali, qed naraw ukoll li f’din it-tranżizzjoni ħadd ma jaqa’ lura. Irridu naraw kif din il-bidla ser taffettwa mhux biss liż-żgħażagħ imma anke lill-anzjani tagħna, kif ser tolqot il-kundizzjonijiet tax-xogħol u aktar minn hekk, nassiguraw li l-poplu jkollu fiduċja f’dawn it-teknoloġiji li jistgħu jsarrfu f’ħafna ġid,” spjega s-segretarju parlamentari.
Huwa saħaq ukoll li Malta qed taddotta metodu strateġiku biex tisfrutta l-benefiċċji tal-intelliġenza artifiċjali filwaqt li ttaffi r-riskji tagħha, u dan billi jiġi żgurat li kemm il-ħaddiema u kif ukoll in-negozji jkunu jistgħu jadattaw għal dawn it-tranżizzjonijiet teknoloġiċi ġodda.
Is-segretarju parlamentari enfasizza li l-Istrateġija Nazzjonali tal-Intelliġenza Artifiċjali tal-2019, hija mibnija fuq it-tisħiħ ta’ ekosistema li tinkoraġġixxi l-użu tal-intelliġenza artifiċjali ġewwa pajjiżna, kif ukoll li toffri appoġġ lin-negozji fit-tranżizzjoni diġitali tagħhom.
Huwa tenna li l-edukazzjoni għandha tibqa’ ċentrali f’din it-tranżizzjoni diġitali, u spjega kif it-tagħlim dwar l-intelliġenza artifiċjali qed jiġi integrat fl-iskejjel biex l-istudenti tagħna jkollhom il-ħiliet neċessarji li tirrikjedi dinja tax-xogħol moderna.
“Malta tibqa’ impenjata biex toħloq suq tax-xogħol li mhux biss ikun kompetittiv iżda wkoll inklużiv, li jappoġġja kemm l-avvanz ekonomiku kif ukoll il-benesseri tal-ħaddiema tagħha,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul.