Sunday, December 29, 2024

Malta fil-45 edizzjoni tal-Olimpijadi taċ-Ċess

Aqra wkoll

Malta bagħtet żewġ timijiet, wieħed tal-irġiel u ieħor tan-nisa għall-Olimpijadi taċ-Ċess ġewwa Budapest. Dan l-avveniment mondjali prestiġjuż jiġi organizzat kull sentejn, u din is-sena, hemm parteċipazzjoni rekord ta’ 193 tim fis-sezzjoni Open u 181 tim fis-sezzjoni   tan-nisa. It-tim Malti tal-irġiel huwa rappreżentat minn Colin Pace, Jake Darmanin, Robert Novak, Jack Mizzi u Patrick Zerafa, bil-Kaptan Tadej Sakelsek. It-tim tan-nisa hu rappreżentat minn Elena Ghitza, Filipina Thornton, Jamie Farrugia, Milena Stagno u Martina Portelli, bil-Kaptan Peter Sammut Briffa. Għal darb’oħra Noel Grima ġie mistieden bħala International Arbiter. Geoffrey Borg huwa delegat għal FIDE, filwaqt li Duncan Vella huwa l-kap tad-delegazzjoni Maltija.

Bħal ma jiġri ħafna drabi f’dawn il-kompetizzjonijiet, l-ewwel avversarji kienu b’saħħithom ferm bl-ewwel round ikun l-iktar wieħed iebes għaż-żewġ timijiet Maltin. L-irġiel kellhom jitħabtu kontra l-qawwa tat-tim tal-Armenja, li kienu r-rebbieħa tal-Olimpjadi fl-2006, 2008 u 2012. It-tim Armen jikkonsisti minn 4 GMs b’saħħithom, u kif wieħed kien jistenna, l-Armeni rebħu 4-0.

It-tim tan-nisa ukoll kellhom oppożizzjoni ferm b’saħħitha kontra l-Greċja. Malta irnexxielha tikseb nofs punt grazzi għar-riżultat sorpriża ta’ Portelli, li fl-ewwel Olimpijadi tagħha, irnexxielha tikseb draw bil-biċċiet suwed kontra Makropoulou. Stagno ukoll kienet viċin li tikseb riżultat tajjeb, hekk kif żammet il-vantaġġ sal-aħħar tal-logħba.  Pero l-għafsa tal-ħin fl-aħħar mumenti ġiegħelha tilgħab mossi impreċiżi li wasslu finalment għal telfa.

Fit-2 round, it-tim tal-irġiel iffaċċjaw lil Guam. Malta kellha 200 punt ta’ rating iktar fuq kull logħba, u dan wera fir-riżultat rebbieħ ta’ 3.5-0.5, b’Pace, Mizzi u Zerafa ilkoll jirbħu l-logħba tagħhom, filwaqt li Darmanin kiseb draw.

It-tim tan-nisa ġew kontra Laos. Malta tilfet fuq l-ewwel żewġ boards, iżda rebħet fuq l-aħħar tnejn permezz ta’ Stagno u Portelli.   B’hekk Malta ġabret l-ewwel punt tagħha – Laos 2 Malta 2.

Fit-tielet round, it-tim tal-irġiel ġew kontra it-tim b’saħħtu tal-Andorra. Għalkemm ikkunsidrat bħala wieħed mill-pajjiżi ż-żgħar, il-maġġoranza tal-kompetituri tal-Andorra jgħixu Spanja, u għandhom 2 GMs u IM jilgħabu mat-tim. Malta però, tilfet b’riżultat minimu ta’ 1.5-2.5, hekk kif Novak irnexxielu jikseb draw kontra IM Fluvia (rated 2438) filwaqt li Zerafa rebaħ kontra Ribera Veganzones (rated 2167).

It-tim tan-nisa lagħbu kontra l-Mawritanja u rebħu b’ riżultat perfett ta’ 4-0. Dawn ir-rebħiet kienu miksuba minn Thornton, Farrugia, Stagno u Portelli.

Fir-4 round, it-tim tal-irġiel ser jilgħabu kontra San Marino, filwaqt li t-tim tan-nisa ser jilgħabu kontra l-Messiku.  Noel Grima kien match arbiter fuq il-logħob li jinsabu fil-quċċata tal-kwalifika. Fl-1 round kellu lil Madagaskar kontra il-Ġermanja, fit-2 round lil Spanja kontra l-Bosnja Ħerzegovina, u fit-3 round lil Awstralja u l-Ukrenja.

Detailed information may be accessed here:

https://chess-results.com/tnr967173.aspx?lan=1&art=20&fed=MLT&flag=30
Ekonomija

Sport