Malta hija s-seba’ l-aktar pajjiż li jagħmel użu mill-enerġija rinovabbli fil-binjiet tiegħu. Din l-informazzjoni toħroġ miċ-ċifri tal-Eurostat li analizzat l-użu tal-enerġija rinovabbli fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea (UE). Il-ħidma konġunta bejn il-pajjiżi qed tħalli l-frott, tant li l-UE rreġistrat żieda fl-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinovabbli biex isaħħnu u jkessħu l-binjiet. Fl-2023, l-enerġija ġġenerata minn sorsi rinnovabbli f’dan is-settur laħqet is-26.2%, b’pajjiżna jaqbeż sew il-medja Ewropea b’perċentwal ta’ 47%. B’hekk Malta ġiet ikklassifikata fis-seba’ post tal-aktar pajjiżi b’użu ta’ enerġija rinovabbli.
Se nibqgħu ninċentaw l-użu tal-enerġija rinovabbli
F’kummenti lil dan is-sit, il-Ministru għall-Enerġija, Miriam Dalli, saħqet li l-politika tal-Gvern se tibqa’ waħda li tinċentiva l-użu tal-enerġija rinovabbli. “Matul din is-sena se nkomplu nuru bil-fatti kemm verament nemmnu fil-wegħda li għamilna fuq livell Ewropew ta’ transizzjoni lejn enerġija iktar nadifa u biex inkomplu nnaqsu dipendenza fuq fjuwils li joriġinaw minn sorsi fossili. Dan jorbot ukoll mal-impenn tal-Gvern li jkompli jtejjeb l-ambjent li ngħixu fih mingħajr ma jgħabbi liċ-cittadini b’ piżijiet finanzjarji żejda,” qalet il-Ministru Dalli.
Fil-pjan nazzjonali għal enerġija u klima (NECP), Malta ffissat il-mira ta’ kwazi 25% għal energija li tkun ġejja minn sorsi rinovabbli. Biex jiżdied aktar is-sehem tar-rinnovabbli f’pajjiżna, il-Ministeru għall-Enerġija vara skemi ta’ grants u Feed in Tariffs għal min jinvesti fir-rinnovabbli.
L-ogħla perċentwal milħuq mill-2004
Il-medja ta’ 26.2% tal-pajjiżi membri tal-UE hija l-ogħla valur milħuq minn meta bdiet tinġabar din l-informazzjoni fl-2004 (11.7%). Is-sehem fl-2023 żdied b’1.2 punti perċentwali (pp) meta mqabbel mal-2022 (25.0%). Id-Direttiva tal-UE 2023/2413 tat-18 ta’ Ottubru 2023 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli titlob li l-Membri Stati jżidu s-sehem medju annwali tagħhom għal dan l-iskop, b’mill-inqas 0.8 pp mill-2021 sal-2025 u b’mill-inqas 1.1 pp mill-2026 sal-2030.
Il-konsum finali tal-enerġija rinnovabbli fil-binjiet żdied gradwalment maż-żmien, l-aktar minħabba l-kontribut tal-enerġija mil- bijomassa u minn użu tat-teknoliġija ta’ heat pumps.
L-aktar pajjiż kien l-Isvezja mentri l-inqas kienet l-Irlanda
Fl-2023 fost il-pajjiżi tal-UE, l-Iżvezja reġgħet kienet minn ta’ quddiem f’dak li huwa sors ta’ enerġija rinnovabbli biex issaħħan u t-tkessaħ il-binjiet tagħha, b’sehem ta’ 67.1 %. Dan il-pajjiż kien segwit mill-Estonja b’rata ta’ 66.7%. Iż-żewġ pajjiżi huma l-aktar li jużaw il-bijomassa u l-heat pumps. It-tielet l-aktar pajjiż irriżulta li kien il-Latvja b’61.4%, li jiddependi prinċipalment fuq il-bijomassa.
L-inqas pajjiżi li rrikorrew għal sorsi rinnovabbli kienu l-Irlanda b’7.9%, l-Olanda (10,2 %) u l-Belġju (11,3 %).
Meta mqabbla mal-2022, 21 pajjiż tal-UE rreġistraw żieda fl-ishma tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli wżati fit-tisħin u t-tkessiħ. L-Awstrija (+8,1 pp), Malta (+7,5 pp) u l-Greċja (+4,9 pp) irreġistraw l-akbar żidiet bejn l-2022 u l-2023.
Min-naħa l-oħra ġie rreġistrat tnaqqis fl-Iżvezja (-2.7 pp), fil-Polonja (-2.2 pp), fis-Slovakkja (-1.1 pp), fil-Kroazja (-1.0 pp), fil-Ġermanja (-0.5 pp) u fil-Lussemburgu (-0.1 pp).