“Bħala pajjiż se nkomplu nsegwu l-istrateġija tagħna li niffokaw fuq turiżmu ta’ kwalità ogħla, hekk kif nippożizzjonaw lil Malta bħala destinazzjoni li għandha x’toffri lit-turisti s-sena kollha, filwaqt li nixprunaw is-sostenibilità. Irridu nilqgħu fostna turisti li jqisu lil Malta bħala l-post fejn jistgħu jsibu esperjenzi uniċi. Qegħdin ninvestu fil-prodott turistiku, fit-taħriġ tal-ħaddiema u fil-konnettività bl-ajru, hekk kif b’mod innovattiv intejbu u niddiversifikaw dak li għandna x’noffru, filwaqt li nibqgħu awtentiċi biex inkunu l-għażla ta’ dawk li jfittxu esperjenzi turistiċi ta’ kwalità”.
Qal dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg li ngħaqad mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) u esponenti ewlenin ta’ din l-industrija biex jippromwovu l-gżejjer Maltin waqt ITB Berlin, l-akbar fiera tal-ivvjaġġar fid-dinja li qiegħda ssir din il-ġimgħa fil-kapitali Ġermaniża.
Laqgħat dwar it-tisħiħ tal-kwalità u s-sostenibbiltà fit-turiżmu
Il-padiljun ta’ Malta fl-ITB Berlin, li ttella’ mill-fergħa tal-promozzjoni internazzjonali tal-Awtorità VisitMalta, laqa’ aktar minn 30 operatur tal-industrija tat-turiżmu fosthom lukandi, aġenti tas-servizzi għat-turisti f’Malta u oħrajn. Din is-sena, Għawdex kien fuqnett tal-aġenda, bħala destinazzjoni turistika distinta, b’attività speċjali f’kollaborazzjoni mal-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu f’Għawdex u l-Ministeru għal Għawdex. Din l-attività wriet il-potenzjal tal-Gżira Għawdxija għal turisti li jfittxu esperjenzi awtentiċi Mediterranji.
Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg saħaq ukoll fuq il-ħtieġa li dawk kollha involuti fl-industrija jimmiraw għal turiżmu responsabbli. “Aħna nagħrfu li t-tkabbir b’mod sostenibbli huwa kruċjali għas-suċċess fit-tul tal-industrija. Għalhekk qegħdin inħeġġu aktar miżuri ta’ sostenibbiltà u standards ogħla, biex it-turiżmu jibqa’ ta’ benefiċċju kemm għal dawk li jżuruna, kif ukoll għall-komunitajiet lokali.”
Waqt il-fiera ITB id-Deputat Prim Ministru kellu wkoll laqgħat mad-Deputat Ministru tat-Turiżmu ta’ Ċipru Kostas Koumis, mad-Direttur Ġenerali tal-Ministeru tat-Turiżmu ta’ Iżrael Dani Shahar, kif ukoll ma’ rappreżentanti ta’ għaqdiet internazzjonali tal-ivvjaġġar.
Din is-sena, bl-appoġġ ta’ Heritage Malta, is-sehem tal-MTA fil-fiera ITB kien jinkludi wkoll promozzjoni tal- Malta Biennale li, wara s-suċċess tal-ewwel edizzjoni fl-2024, se jerġa’ jsir f’Malta fl-2026.