Saturday, December 21, 2024

Malta fl-ewwel post tal-iktar Ewropej b’saħħithom

Aqra wkoll

Fi żmien meta d-dinja kollha, inkluż l-Ewropa, jinsabu iffaċċjati mill-isfida tal-coronavirus ħarġet statistika li turi kif il-poplu Malti u Għawdxi huwa l-iktar wieħed li jgħix b’saħħtu minn fost dawk fl-istati membri tal-UE flimkien ma’ dak tal-Iżvezja.

L-istatistika miġbura mill-Eurostat turi li matul l-2018 in-nisa Maltin kienu l-iktar li għexu b’saħħithom minn fost il-pajjiżi tal-UE mentri l-irġiel Maltin ġew fit-tieni post.

In-nisa Maltin kienu mistennija li jgħixu 73 sena u erba’ xhur f’saħħithom meta l-medja fl-UE kienet ta’ 64 sena u xahrejn. Wara Malta ġiet l-Iżvezja bi 72 sena u t-tielet l-Irlanda b’70 sena u erba’ xhur.

Il-Latvja ġiet fl-aħħar post bin-nisa ta’ dan il-pajjiż mistennija jgħixu 53 sena u seba’ xhur b’saħħithom segwita mis-Slovenja b’54 sena u sitt xhur u l-Estonja b’55 sena.

Fir-rigward tal-irġiel Maltin dawn mistennija jgħixu 71 sena u disa’ xhur b’saħħithom meta l-medja fl-UE kienet ta’ 63 sena u seba’ xhur.

L-irġiel Żvediżi huma l-uniċi li mistennijin jgħixu aktar mill-Maltin fi stat ta’ saħħa tajba b’73 sena u seba’ xhur waqt li fit-tielet post fost il-pajjiżi tal-UE tiġi l-Irlanda bi 68 sena u erba’ xhur.

L-irġiel tal-Latvja mistennija jgħixu l-inqas numru ta’ snin b’saħħithom, 51 sena, segwiti minn dawk tal-Estonja bi 52 sena u seba’ xhur u tas-Slovakkja b’55 sena u ħames xhur.

Ekonomija

Sport