Friday, May 3, 2024

“Il-Pandemija m’għandhiex ruħ soċjali” – Il-Professur Carmel Borg

Aqra wkoll

Minn Victor Vella

Ilna nisimgħu ħafna argumenti fuq il-pandemija u l-effetti tagħha. Qegħdin nisimgħu wkoll b’dikjarazzonijiet  bħal li din il-pandemija taffettwa l-aktar b’mod negattiv lil persuni anzjani u vulnerabbli. Fost l-argumenti li sa issa qegħdin jingħataw il-ġenb jew li mhumiex daqstant fiċ-ċentru hemm l-aspett soċjali. Inewsmalta talbet il-kummenti tal-Professur Carmel Borg mill-Fakultà tal-Edukazzjoni. Fi kliemu stess, “bħal kull pandemija oħra, din il-pandemija se tkompli tikxef il-qasma soċjali u ekonomika fi ħdan il-pajjiżi u bejn il-ġnus.  Meta nitkellmu u niktbu dwar tfal, żgħażagħ, adulti u anzjani nkunu qegħdin nużaw kategoriji ġeneriċi li jimmarkaw id-differenzi soċjali f’kull kategorija.”

Jisħaq li “fil-Punent, sikwit tingħata l-impressjoni li t-tfal u ż-żgħażagħ huma fl-anqas riskju.  Iżda ftit huma dawk li qegħdin jaħsbu dwar il-fatt li ħafna mill-istatistika li għandna f’idejna ġejja minn inħawi fid-dinja fejn il-maġġoranza taż-żgħar u ż-żgħażagħ għandhom aċċess għal sistemi ta’ saħħa li huma relattivament tajbin u, għalhekk, min spiċċa ħażin f’dawn iż-żewġ kategoriji, kawża tal-infezzjoni, ġeneralment kien qiegħed ibati minn kundizzjonijiet oħra li kabbru l-effett tal-attakk tal-virus.”

Il-Professur Borg jenfasizza li “wieħed issa jrid jara jekk din l-istatistika dwar it-tfal u ż-żgħażagħ tkomplix tgħodd meta l-virus jibda jattakka sew l-inħawi fid-dinja fejn is-sistema tas-saħħa hija prekarja; fejn it-tobba u ċ-ċentri tas-saħħa jinsabu mijiet ta’ kilometri ’l bogħod, fejn il-kwalità tas-servizzi tas-saħħa hija baxxa u fejn lanqas l-ilma ma huwa garantit. Wieħed irid jara wkoll kif il-virus se jolqot demografikament f’inħawi fejn is-sistema immunitarja tal-popolazzjoni tal-post hija relattivament baxxa minħabba l-faqar assolut u l-iżvantaġġi kbar li jġib miegħu.  Riċerkaturi tal-epidemiji m’għandhomx dubju li l-vantaġġ tal-età, li mdorrijin nisimgħu bih fil-Punent, jonqos sew fil-kampijiet, il-faveli u t-‘townships’ tad-dinja.”

Ikompli jgħid li “dawk minna li jemmnu fil-ġustizzja soċjali ma jistgħux jifirdu l-ġerħa tal-pandemija mill-valuri foloz li xerred il-kapitaliżmu estrem.  Sistema globali li fiċ-ċentru tagħha hemm is-suq, il-profitt u l-konċentrazzjoni tal-poter.  Sistema li  ħafna drabi jirnexxielha timblokka lill-forzi progressivi milli jipprovdu servizzi ta’ saħħa ta’ kwalità għolja, b’xejn u aċċessibbli għal kulħadd.  Sistema predatorja li tkisser is-solidarjetà kollettiva, tipprivatizza r-relazzjonijiet umani, iddaħħal lill-bnedmin f’kompetizzjoni bejniethom u tpoġġi l-ġid u l-akkumulazzjoni privata qabel il-ġid komuni.  Sistema li tkisser it-tessut soċjali billi tipprivatizza l-aktar ħwejjeġ essenzjali, mill-ilma sal-isptarijiet.”

Il-Professur Borg itenni li “sistema kapitalista selvaġġa li kompliet tmarrad lid-dinja, b’rifjuti kanċerongeniċi, karbonju bla limitu u monopolji faramċewtiċi li jiddeciedu huma min jibbenenika u meta mill-prodotti tagħhom.   Sistema ekonomika Dickensjana li wasslet biex miljuni jabbandunaw il-ħajja rurali u mxtajta tagħhom biex numru kbir minnhom jissieħbu mal-popolazzjoni dejjem tikber tal-fqar urbani.” 

“Fiċ-ċentri urbani, inkluż ta’ pajjiżi ekonomikament b’saħħithom, toħroġ ukoll fid-deher il-qasma soċjali u ekonomika, u r-rabta bejn il-pandemija u l-inugwaljanzi soċjali; id-differenzi socjali bejn dawk li għandhom aċċess għas-saħħa u dawk li m’ghandhomx, dawk li huma mħarsa mill-wens soċjali u mill-kumpaniji tal-assigurazzjoni privati u dawk li jgħixu ħajja ta’ prekarjat kroniku mingħajr il-wens tas-servizzi tas-saħħa.  Ir-riċerka turina li dawk li jinsabu fis-saffi baxxi tas-socjetà hemm ċans akbar li jispiċċaw infettati u maqtula mill-virus.   Mil-lat ekonomiku, m’hemmx dubju li min jgħix ħajja prekarja se jbati aktar mill-morsa ekonomika u mill-kwarantina mposta mill-awtoritajiet.  M’hemmx dubju wkoll, u dan joħroġ mill-istudji ta’ epidemiji passati, li l-faqar u l-inugwaljanzi jkabbru t-tixrid tal-marda, iżidu l-vjolenza domestika, is-suwiċidji u l-hekk imsejħa mewt tad-disprament assoċjat, per eżempju, mad-droga u l-alkoħol”, jisħaq il-Professsur Carmel Borg.

Ikompli jgħid li “fil-pandemiji l-vulnerabbilitajiet jiżdiedu għax hemm ċans kbir li l-prekarju joħroġ ifittex ix-xogħol jew l-ikel, anke jekk miż-żibel, biex jgħix.   Ħafna ħaddiema li jaħdmu fl-ekonomija nformali difficli twaqqafhom milli joħorgu jfittxu l-ħobża ta’ kuljum f’xogħol li jirrikjedi, ħafna drabi, tlaqqigħ ma’ nies oħra li jista’ jirriżulta f’aktar tixrid.  Ġeneralment, min jgħix ħajja prekarja huwa aktar suxxettibbli għall-mard kroniku u, allura, huwa aktar espost għall-isfreġju tal-pandemija.”

Jenfasizza li “nisimgħu ukoll dwar l-anzjanità u etajiet ta’ vulnerabilità aktar akuta.  Mir-riċerka nafu li f’inħawi prekarji l-mard kroniku, li f’kuntesti fejn is-servizzi tas-saħħa huma tajbin huwa normalment assoċjat ma’ etajiet imwaħħra, insibuh f’etajiet aktar bikrin.  Dan ifisser li l-istrateġiji għall-ilquħ mill-marda ma jistgħu qatt ikunu uniformi, lanqas fl-istess pajjiż, speċjalment fejn hemm inugwaljanzi kbar li jissarfu f’livelli ta’ saħħa differenti.  Bit-tkissir tal-unions f’ħafna pajjiżi, ħafna ħaddiema nqabdu mingħajr protezzjoni xierqa.  Il-kriżi tal-coronavirus kompliet tkabbar id-differenza bejn il-ħaddiema li għandhom xibka ta’ protezzjoni u miljuni ta’ ħaddiema li meta l-marda tasal jkollhom jiġġildulha weħidhom. Il-ħaddiema fl-Italja kellhom jistrajkjaw biex ifakkru lis-sidien li ħajjithom tiswa ħafna aktar mill-par idejn li joħolqu l-ġid għall-kapitalist.  L-istorja tal-H1N1 u tan-norovirus għandhom ifakkruna li eluf ta’ ħaddiema xerrdu l-mard u tilfu ħajjithom minħabba l-inugwaljanza fil-kundizzjonijiet tax-xogħol bejn il-ħaddiema, b’eluf kbar ta’ ħaddiema li baqgħu jmorru għax-xogħol u dawru l-postijiet, speċjalment ir-ristoranti, f’inkubaturi tal-mard.”

Sport