Monday, July 13, 2026
Home Sport ‘Meta tasal għal 100 partita ma’ klabb, ifisser li tkun għaddejt minn...

‘Meta tasal għal 100 partita ma’ klabb, ifisser li tkun għaddejt minn ħafna esperjenzi, mumenti tajbin u oħrajn diffiċli’ – Kyle Sciberras Balbi

0
15

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-ewwel nett, nixtieq nirringrazzjak tal-opportunità għal din l-intervista – tassew napprezzaha. Minn età żgħira kont dejjem tifel kompetittiv u sportiv – dejjem kelli l-ħeġġa u l-passjoni biex inkun attiv, u l-futbol għalija kien bħal mezz kif nesprimi lili nnifsi.

Niftakar li meta mort għall-ewwel sessjoni ta’ training, kont milqugħ minnufih mill-komunità u ħassejtni parti minn xi ħaġa akbar minni. Maż-żmien, il-futbol ma baqax biss logħba għalija – sar parti importanti ħafna minn ħajti. Bdiet tinbet fija dik ix-xewqa li nieħu dan il-passaġġ bis-serjetà, u b’dedikazzjoni u ħidma bla waqfien, illum il-ġurnata jien kburi li nista’ ngħid li jiena pedina għat-tim ta’ Pembroke.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Pembroke A FC.
Jien ili ma’ Pembroke minn età żgħira ta’ erba’ snin. B’relazzjoni daqshekk twila, l-esperjenza tiegħi ma’ Pembroke ġabet magħha ħafna “highs and lows”. Illum il-ġurnata, nara lura dawk l-esperjenzi – kemm tajbin kif ukoll mhux daqshekk tajbin – u nista’ ngħid li kbirt kemm bħala plejer kif ukoll fuq livell personali. Bħala plejer, dejjem tajt sehem għal dan il-klabb meta kelli l-opportunità li nilbes il-flokk. Ilni nilgħab regolarment mat-tim tal-kbar għal dawn l-aħħar erba’ staguni, fejn ukoll kelli l-unur li nilbes il-faxxa tal-captain għal diversi logħbiet.

Apparti minn hekk, kelli l-opportunità nservi wkoll bħala assistant coach fin-nursery ta’ Pembroke. Nirringrazzja lil kull min kien hemm għalija u tani l-appoġġ ġewwa Pembroke, għax kelli opportunitajiet siewja ma’ dan il-klabb.

X’tikkummenta fuq l-istaġun li għadda għal Pembroke Athleta?

Kien staġun twil u diffiċli ħafna, b’ħafna sfidi kemm fil-grawnd kif ukoll mentalment. Minkejja l-mumenti diffiċli, it-tim baqa’ jiġġieled sal-aħħar u naħseb li dan juri l-karattru tal-grupp. Fl-aħħar irnexxielna nilħqu l-għan tas-salvazzjoni u nemmen li dan għandu jagħti aktar motivazzjoni biex il-klabb jibni fuq dan għall-futur.

X’tikkummenta fuq it-tragward li lħaqt tal-100 partita ma’ Pembroke?

Huwa tragward li jfisser ħafna għalija personalment. Meta tasal għal 100 partita ma’ klabb, ifisser li tkun għaddejt minn ħafna esperjenzi, mumenti tajbin u oħrajn diffiċli. Kburi ħafna li wasalt għal dan it-tragward ma’ Pembroke u aktar kuntent li l-logħba spiċċat b’rebħa importanti għat-tim.

X’tikkummenta fuq il-kowċ, Jeffrey Mifsud?
Il-kowċ għandu r-rwol importanti li jmexxi lit-tim u għandu viżjoni ċara dwar fejn irid jasal. Għalkemm bħal kull relazzjoni professjonali jkun hemm drabi fejn ma naqblux f’kollox, jiena napprezza x-xogħol li jagħmel u l-impenn tiegħu mal-iskwadra. Fl-aħħar mill-aħħar, l-aktar ħaġa importanti hija s-suċċess tat-tim, u jiena dejjem se nagħti l-massimu tiegħi biex ngħin lill-grupp jilħaq l-għanijiet tiegħu u nibqgħu b’saħħitna flimkien.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Bħalissa qed nieħu kollox pass pass u niffoka biex inkompli naħdem u nitjieb kemm jista’ jkun. Dejjem irrid nisfida lili nnifsi u nara x’opportunitajiet jistgħu jiġu fil-futur. Fil-futbol qatt ma taf x’jista’ jiġri, imma bħalissa l-mentalità tiegħi hi li nibqa’ naħdem bis-serjetà u nżomm il-livell tiegħi għoli kemm jista’ jkun.

Bis-saħħa ta’ Pembroke nista’ ngħid li jien wasalt fejn qiegħed illum, u dan ma stajtx nagħmlu mingħajr l-għajnuna tal-klabb. Qed niffoka bis-serjetà biex nagħmel il-pass li jmiss fil-karriera tiegħi u nġib lili nnifsi f’livell ogħla ta’ kompetizzjoni. Ħdimt ħafna, ksibt esperjenza siewja, u issa nħoss li wasal iż-żmien biex nimxi ’l quddiem u nilgħab f’dixxiplina ogħla.

L-għan tiegħi hu li nkompli nikber – teknikalment, mentalment u fiżikament – u nsib ambjent li jimbuttani biex inkun l-aħjar verżjoni tiegħi bħala plejer. Nemmen li għad għandi ħafna xi noffri, u ninsab eċċitat għal dak li ġej fil-futur.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Lil kull min għandu ħolma li jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol, ngħidlu li kollox jibda b’passjoni u determinazzjoni. Mhux se jkun vjaġġ faċli – ikun hemm sfidi, diżappunti, u kultant mumenti fejn tista’ titlef il-fiduċja fik innifsek. Imma jekk tassew temmen f’dak li trid, u taħdem kuljum biex ittejjeb lilek innifsek, il-futbol jaf iġiblek ħafna aktar milli taħseb.

Ipprova tgħallem minn kull esperjenza – tajba jew ħażina – u żomm dejjem umiltà, rispett u dixxiplina. Il-kostanza tagħmel differenza kbira. U l-aktar importanti – igawdi kull mument, għax il-futbol mhux biss karriera, imma stil ta’ ħajja.