Il-bastiment navali tat-taħriġ Indjan, l-INS Sudarshini, daħal fil-Port il-Kbir fil-jiem li għaddew, bħala parti mill-vjaġġ ambizzjuż globali tiegħu, il-Lokayan26.
Din iż-żjara tenfasizza r-rabtiet marittimi kbar li jeżistu bejn l-Indja u Malta u tirrappreżenta parti importanti fil-vjaġġ ta’ 22,000 mil nawtiku li dan il-bastiment qiegħed jagħmel matul din is-sena.
L-Orizzont kellu l-opportunità li jitkellem mal-Uffiċjal Kmandant tal-INS Sudarshini, Ravikanth Nandoori, li fisser kif l-importanza ta’ din iż-żjara f’pajjiżna, li kienet l-ewwel waħda għal dan il-bastiment u l-uffiċjali u l-membri tal-ekwipaġġ.
Nandoori spjega li dan il-bastiment jagħti taħriġ lill-baħħara billi jgħallmuhom mhux biss il-prinċipji bażiċi tat-tbaħħir imma wkoll in-navigazzjoni fuq il-baħar.
Huwa rrimarka li f’Jannar li għadda, l-INS Sudarshini beda bil-vjaġġ tiegħu fejn b’kollox se jkunu żaru aktar minn 13-il pajjiż u jidħlu f’21 port. Dan il-vjaġġ mistenni jiġi fi tmiemu f’Novembru li ġej. Wara Malta, il-bastiment mistenni jbaħħar lejn il-kosta Franċiża biex jipparteċipa fil-festival marittimu Escale à Sète.
Ma’ dan il-ġurnal, il-Kmandant Nandoori wera l-apprezzament tiegħu lejn il-Gvern Malti u ċ-ċittadini Maltin tal-akkoljenza tagħhom. Tkellem dwar l-importanza strateġika li għandha Malta li dejjem kienet punt importanti għar-rotot kummerċjali fost oħrajn.
Nandoori tkellem ukoll dwar ir-rabtiet b’saħħithom li jeżistu bejn Malta u l-Indja mhux biss f’dak li għandu x’jaqsam mal-affarijiet marittimi imma wkoll għar-relazzjonijiet diplomatiċi.
“Dan huwa pajjiż fenomenali. Malta hi pajjiż mill-isbaħ, bi storja rikka. Se nieħdu lura magħna esperjenzi mill-isbaħ,” tenna Nandoori.
Sadanittant, biex tkun iċċelebrata l-wasla tal-INS Sudarshini f’pajjiżna, is-Sibt li għadda, il-Kummissjoni Għolja tal-Indja f’Malta organizzat ċerimonja li għaliha kienu preżenti fost oħrajn l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia u l-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi.

