Sunday, April 19, 2026

Malta l-uniku pajjiż b’inflazzjoni stabbli f’Marzu

Aqra wkoll

Ċifri maħruġa mill-Eurostat jindikaw li Malta kienet l-uniku pajjiż fl-Unjoni Ewropea fejn ir-rata tal-inflazzjoni baqgħet stabbli bejn Frar u Marzu. Dan hekk kif l-inflazzjoni żdiedet minn 2.1% għal 2.8% bħala medja madwar l-Unjoni. F’Malta l-inflazzjoni baqgħet ta’ 2.3%.

L-għola rata ta’ inflazzjoni kienet 9% fir-Rumanija, segwit minn 4.6% fil-Kroazja u 4.4% fil-Litwanja. L-aktar li għolliet l-inflazzjoni matul Marzu kienet fil-Lussemburgu fejn ir-rata telgħet minn 1.8% għal 3.8%. Malta għandha l-ħames l-anqas rata ta’ nflazzjoni fiż-żona ewro. 

Il-bidla fir-rata ta’ nflazzjoni madwar l-UE kienet kollha dovuta għal bidla fil-prezz tal-enerġija u tal-fjuwil. Fejn jidħol il-prezz tal-elettriku huma ftit sa issa l-pajjiżi fejn kien hemm żieda. Dawn jinkludu d-Danimarka, b’bidla ta’ 4.6%, Spanja b’żieda ta’ 4%, Franza u l-Italja b’bidla ta’ 0.5%, u l-Finlandja fejn il-prezz tad-dawl tela’ bi kważi 6% f’xahar wieħed. Fir-Rumanija l-kontijiet tal-elettriku huma 57% aktar għoljin minn sena qabel. 

Jekk tħares lejn id-diżil f’xahar wieħed bħala medja madwar l-Ewropa kien hemm żieda ta’ aktar minn 22%. L-agħar li marru kienu l-familji fl-Olanda fejn il-petrol tela b’aktar minn 40%. Fil-Ġermanja l-prezz tela’ b’aktar minn kwart u l-istess ġara fi Spanja u fi Franza. 

Fejn jidħol il-prezz tal-petrol dan żdied b’ aktar minn 13%. Kemm fl-Olanda kif ukoll fir-Rumanija ż-żieda kienet aktar lejn 15%, waqt li fl-Isvezja qabeż b’madwar 20%. 

Malta grazzi għas-sussidji kienet l-uniku pajjiż fejn il-prezz tal-elettriku  u fjuwils baqa stabbli, u b’hekk il-familji f’pajjiżna ma tgħabbewx b’rata ta’ nflazzjoni aktar għolja.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport