Sunday, April 19, 2026

Rikonoxxuti 58 benefiċjarju taħt l-Iskema ta’ Manutenzjoni tad-Dgħajjes Tradizzjonali

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said indirizzat ċerimonja fejn ingħata rikonoxximent lil 58 benefiċjarju li bbenefikaw mill-Iskema ta’ Manutenzjoni tad-Dgħajjes Tradizzjonali.

Din l-iskema tal-Gvern ipprovdiet appoġġ finanzjarju dirett lis-sidien ta’ dgħajjes tradizzjonali tal-injam mibnija fl-2007 jew qabel sabiex ġew assistiti fil-manutenzjoni, ir-restawr u l-preservazzjoni tagħhom. L-iskema, immexxija mid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura, kienet immirata għal sajjieda li għandhom dgħajjes irreġistrati u kopriet spejjeż relatati ma’ xogħol essenzjali bħal żebgħa protettiva, injam u materjal strutturali, magni u partijiet tagħhom kif ukoll xogħol ieħor meħtieġ biex id-dgħajjes jinżammu f’kundizzjoni tajba u operattiva.

Fl-istess ħin, din l-inizjattiva kellha l-għan li tħares u ssaħħaħ il-wirt marittimu u kulturali ta’ pajjiżna, billi d-dgħajjes tradizzjonali huma simbolu importanti tal-identità Maltija u tal-komunitajiet tas-sajd. Permezz ta’ dan l-appoġġ, il-Gvern għen biex jitnaqqsu l-ispejjeż operattivi tas-sajjieda, itejjeb il-vijabbiltà tas-settur u jsaħħaħ is-sostenibbiltà tiegħu fit-tul, filwaqt li jiżgura li dawn it-tradizzjonijiet jibqgħu ħajjin u jiġu mgħoddija lill-ġenerazzjonijiet futuri.

Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said qalet li dan il-mument jirrappreżenta riżultat konkret ta’ politika li mhux biss tippromwovi l-preservazzjoni tal-wirt marittimu Malti, iżda li tappoġġja wkoll direttament lill-komunitajiet tas-sajd. Hija spjegat kif din l-iskema mhijiex biss forma ta’ assistenza finanzjarja, iżda investiment fil-wirt nazzjonali u fil-futur tas-settur.

Is-segretarju parlamentari rrimarkat li d-dgħajjes tradizzjonali huma simbolu ta’ storja, sengħa u reżiljenza, u jirriflettu stil ta’ ħajja marbut mal-baħar li ġie mgħoddi minn ġenerazzjoni għall-oħra. Għalhekk, il-Gvern qed jassigura li dan il-wirt mhux biss jiġi apprezzat, iżda wkoll protett u msaħħaħ permezz ta’ miżuri konkreti.

Hija żiedet li t-58 benefiċjarju huma eżempju ċar ta’ impenn u dedikazzjoni, hekk kif investew ħin, riżorsi u ħila biex iżommu dawn id-dgħajjes f’kundizzjoni tajba. “Ir-rimbors li qed jingħata llum huwa rikonoxximent ġust u mistħoqq għal din il-ħidma, u sinjal ċar li l-Gvern qed jappoġġja lis-sajjieda b’mod konkret,” sostniet is-segretarju parlamentari.

Id-Direttur għas-Servizzi fi ħdan id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura, Dennis Sciberras, spjega li din l-iskema tkompli turi l-impenn tad-dipartiment li joffri appoġġ konkret lis-sajjieda, filwaqt li jiżgura li l-proċessi jiġu implimentati b’mod effiċjenti u trasparenti. Huwa żied li permezz ta’ dawn l-inizjattivi, id-dipartiment qed jikkontribwixxi b’mod dirett għall-preservazzjoni tal-flotta tradizzjonali u għat-tisħiħ tas-settur tas-sajd f’Malta.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport