Wednesday, April 24, 2024

Malta lesta biex tospita l-Logħob tal-Pajjizi Zgħar

Aqra wkoll

Aktar minn 1,300 atleta u uffiċjal ġew reġistrati biex ikunu parti mid-XIX Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa li se jibdew nhar it-Tnejn 29 ta’ Mejju.

Nhar il-Ġimgħa, il-Kumitat Organizzattiv tal-Logħob laqa’ lix-Chefs de Mission tal-pajjiżi parteċipanti kollha għall-proċess ta’ reġistrazzjoni. Dan il-proċess huwa l-proċess finali qabel il-bidu tal-Logħob u li jindika li d-disa’ pajjiżi parteċipanti kollha pprovdew l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni meħtieġa għall-parteċipazzjoni tat-timijiet tagħhom. Issa li r-reġistrazzjoni tlestiet, il-Logħob jista’ jipproċedi kif ippjanat u l-iskedi tal-Logħob jinsabu fil-proċess li jiġu ffinalizzati mit-tim tekniku. Sadanittant, Malta bdiet tilqa’ lill-atleti li l-wasliet tagħhom kienu skedati bejn is-Sibt u l-Ħadd.

Skeda tal-Logħob

L-iskeda tal-Logħob kważi ġiet iffinalizzata. L-ewwel kompetizzjonijiet se jibdew it-Tnejn filgħodu bil-kompetizzjonijiet preliminari tal-iSquash u Tennis singles jibdew mid-9 ta’ filgħodu fil-Marsa Sports Club. Wara nofsinhar, f’Ta Qali jintlabu l-ewwel logħobiet tal-Basketball (5×5) fej Ċipru ser jilgħabu kontra l-Lussemburgu fis-siegħa ta’wara nofshinhar.

Sal-aħħar tal-ġimgħa, Malta se tospita total ta’ 114-il avveniment f’għaxar dixxiplini – atletika, basketball, judo, rugby 7s, ibburdjar, sparar, squash, għawm, table tennis u tennis. L-avvenimenti se jkunu mifruxa fuq 11-il post li ġew irranġati jew mibnija mill-ġdid apposta għal dawn il-Logħob.

L-iskedi u r-riżultati kollha jistgħu jarawhom fuq il-websajt tal-Logħob fuq www.gssemalta2023.mt/schedule

“Din il-ġimgħa se tkun il-qofol ta’ snin ta’ preparazzjoni teknika. Ninsabu fiduċjużi li l-atleti tagħna kienu ppreparati tajjeb u se jipproduċu riżultati tajbin għal Malta. Nittamaw li dawn il-Logħob ikunu l-pedament sod biex jinbena legat fit-tul li jara l-isport f’Malta jikber kemm f’dawk li huma riżultati kif ukoll ta’ parteċipazzjoni akbar” irrimarka, Julian Pace Bonello, President, Kumitat Olimpiku Malti.

Ċerimonja tal-Ftuħ

It-Tnejn filgħaxija, se ssir Ċerimonja tal-Ftuħ spettakolari fuq il-Fosos tal-Furjana, Din iċ-ċerimonja ser tpoġġi lil Malta fuq attenzjoni internazzjonali hekk kif madwar 4,000 ruħ mistennija jattendu u l-avveniment jintwera live minn TVM, One TV u Net TV, kif ukoll minn stazzjonijiet tat-TV nazzjonali tal-pajjiżi parteċipanti.

Iċ-ċerimonja tal-ftuħ ta’ se tiċċelebra l-ispirtu ta’ għaqda u turi l-kultura u l-wirt tal-pajjiż ospitanti billi tinkludi diversi elementi, bħal wirjiet artistiċi, mużika u żfin li jenfasizzaw l-istorja, it-tradizzjonijiet, u l-kisbiet ta’ Malta.

Il-Parata tan-Nazzjonijiet se tibda b’Andorra u tipproċedi alfabetikament, b’Malta – bħala pajjiż ospitanti – tisfila l-aħħar. Malta se tkun immexxija mill-bandiera Elaine Genovese u Matthew Galea Soler li l-midalji fil-Logħob tal-Mediterran u l-Forum Olimpiku taż-Żgħażagħ Ewropej is-sena l-oħra kienu strumentali fl-għażla tal-Kumitat Olimpiku Malti.

It-tenur Malti Joseph Calleja se jkanta l-Innu Nazzjonali u dan se jkun segwit mit-teħid tal-Ġurament Olimpiku li se jinqara, f’isem l-atleti, uffiċjali u kowċis, minn personalitajiet sportivi li matul is-snin taw kontribut siewi lejn l-isport.

Iċ-Chairman tal-kumitat Organizzattiv  Mark Cutajar esprima l-apprezzament tiegħu lejn dawk kollha involuti. “L-ammont ta’ sigħat li l-voluntiera taw lejn dawn il-Logħob huwa immens u l-valur tal-kontribut tagħhom huwa bla qies” Barra minn hekk esprima l-gratitudni tiegħu lejn il-Gvern u l-Ministru għall-Edukazzjoni u Sport Dr Clifton Grima għall-appoġġ kontinwu li ntwera bħala lura sa l-2019 meta Malta rebħet l-offerta biex tospita l-Logħob.

Id-XIX Logħob tal-Istati Żgħar tal-Ewropa qed jiġu appoġġjati minn SportMalta, NDSF, Welbee’s Supermarket, National Lottery, MITA, General Soft Drinks, Visit Malta, European Olympic Committees, Go, Enemed, BOV, Transport Malta, Malta International Airport u The Concept Stadium.

Sport