Tuesday, December 24, 2024

Malta li rridu nħallu lil uliedna hi Malta li tinċentiva l-intrapriża, il-kreattività u s-sostenibbiltà

Aqra wkoll

Il-miżuri tal-Baġit 2022 imħabbra għall-Ministeru tal-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli (MESD) huma intiżi biex joħolqu opportunitajiet ġodda, isostnu l-intrapriżi, isaħħu s-settur tal-enerġija u l-ilma u joffru kwalità ta’ ħajja aħjar permezz ta’ aktar żoni ħodor u spazji miftuħa.

Dan qalitu l-Ministru Miriam Dalli waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Ċentru Għajn, li matulha tat rendikont ta’ madwar 40 miżura li l-ministeru, l-aġenziji, l-entitajiet u d-dipartimenti li hi responsabbli minnhom se jkunu qed jimplimentaw matul is-sena li ġejja.

Il-miżuri jvarjaw minn dawk immirati lejn għajnuna u inċentivi għall-intrapriżi u għan-negozji; investimenti fis-settur tal-enerġija u l-ilma; ħidma biex inrawmu kultura favur is-sostenibbiltà u l-immaniġġjar u l-ħolqien ta’ aktar spazji miftuħa. Għal dan l-għan, il-gvern qed jinvesti aktar minn €270 miljun.

“Il-miżuri tal-baġit li ġejna fdati bihom għas-sena 2022 huma intiżi biex nappoġġaw it-tranżizzjoni ta’ pajjiżna għal livell aktar sostenibbli biex sal-2050 inkunu lħaqna l-mira ta’ dekarbonizzazzjoni. It-tema ta’ dan il-baġit hija, ‘Malta li rridu għal uliedna’, għax f’kull miżura li qed nippreżentaw qed inħarsu mhux biss li nsostnu dak li għandna llum, imma li noħolqu opportunitajiet ġodda u nħeġġu l-bidliet li ma jsirux mil-lejl għan-nhar,” spjegat il-Ministru Dalli.

Permezz ta’ aktar għajnuna għal intrapriżi innovattivi, ekoloġiċi, diġitali u soċjali, se nkunu qed nattiraw aktar investimenti li joħolqu karrieri ta’ kwalità f’setturi ekonomiċi ġodda bħalma hija l-ekonomija l-ħadra u l-ekonomija l-blu. Fost il-miżuri, se jinħoloq Fond għall-Krediti tal-Karbonju; benefiċċji tat-taxxa għal profitti li jerġgħu jiġu investiti mill-ġdid; tnedija ta’ Seed Fund għal eko-startups; jitwaqqaf il-Blue-Med Hub; tkun introdotta Start-Up Visa; jingħata appoġġ lil dawk il-kumpaniji li jinvestu f’karozzi li ma jniġġsux; tingħata għajnuna sabiex negozji tal-familja jippjanaw is-suċċessjoni tan-negozju; u tikber l-eleġibilità tal-inċentiva tas-sussidju fuq il-kera u għajnuna finanzjarja u krediti ta’ taxxa għal investimenti sostenibbli u diġitali.

Fil-qasam tal-enerġija, il-gvern qed jinvesti fid-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija u jtejjeb l-effiċjenza fis-sistema tal-ilma. Dan filwaqt li nkomplu ninċentivaw lill-konsumatur biex juża aktar enerġija nadifa. Fost oħrajn, matul l-2022, se jkunu qed isiru l-istudji neċessarji għat-tieni cable tal-interconnector bejn Malta u Sqallija; jitwettqu studji tekniċi dwar il-fattibilità teknika u finanzjarja tat-trasmissjoni tal-idroġenu bl-użu tal-pipeline; investiment fl-użu tal-enerġija rinnovabbli kemm mis-settur pubbliku, mill-privat u mid-djar; u l-installazzjoni ta’ 1,200 charging points għall-karozzi fuq medda ta’ 3 snin.

Biex nilħqu l-viżjoni tad-dekarbonizzazzjoni sal-2050, jeħtieġ bidla fil-mentalità lejn prattiċi u użu ta’ prodotti sostenibbli kemm fil-ħajja ta’ kuljum kif ukoll fi ħdan il-komunitajiet tagħna. Biex nagħmlu dan se tkun qed tiġi introdotta l-ewwel baby box bi prodotti sostenibbli; se nħeġġu l-lokalitajiet jiddisinjaw proġetti sostenibbli; u se jsir proġett pilota ta’ ġonna komunitarji bil-għan li r-residenti jkabbru ħxejjex, frott u fjuri.

Il-gvern se jkun qed jinvesti wkoll €20 miljun fuq medda ta’ ħames snin għall-proġett ta’ afforestazzjoni fil-Park Nazzjonali tal-Inwadar. Barra minn hekk, se jkunu qed jiġu investiti mal-€5 miljun f’parks tal-familja, fir-riġenerazzjoni ta’ ġonna u spazji miftuħa u r-riabilitazzjoni ta’ widien fost l-oħrajn.

Ekonomija

Sport