Tuesday, November 26, 2024

Malta magħżula biex tospita għall-ewwel darba l-EuroPride 2023

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Malta se tkun qed tospita l-EuroPride 2023, dan wara li pajjiżna rebaħ il-kompetizzjoni li r-rebbieħ tagħha jaspira li jkun l-organizzatur ewlieni ta’ din l-attività prestiġġjuża.

F’din il-kompetizzjoni pajjiżna kkompeta ma’ Rotterdam u Belfast, li kienu waslu fl-aħħar fażijiet tal-proċess għall-offerta biex jospitaw l-edizzjoni 2023 ta’ EuroPride, l-akbar avveniment LGBTIQ+ Ewropew, li kull sena jattira diversi viżitaturi minn madwar id-dinja kollha.

L-offerta ġiet ippreżentata waqt l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Organizzaturi tal-Pride EPOA AGM 2020 online u vvutata minn membri oħra tal-Pride Ewropej.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis saħaq li dan huwa pass importanti għal pajjiżna, dan wara li fis-snin li għaddew pajjiżna diġà kien ta’ quddiem fejn jidħlu drittijiet ċivili, bl-introduzzjoni ta’ għadd kbir ta’ liġijiet għal persuni LGBTIQ.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rosianne Cutajar qalet li din ir-rebħa hi ċertifikat għall-ħidma sfiqa ta’ dan il-Gvern fil-kisbiet ta’ drittijiet għall-persuni LGBTIQ. Tenniet tgħid li dan hu unur għalina l-Maltin u l-Għawdxin hekk kif dan l-avveniment se jkun l-ewwel wieħed ta’ dan it-tip li se jseħħ f’pajjiżna fl-2023.

Kompliet tgħid li dan l-avveniment storiku se jkompli jimbotta ’l quddiem l-aġenda tal-ugwaljanza f’Malta, hekk kif se jkollna l-opportunità biex inwasslu l-best practices ta’ pajjiżna lil pajjiżi oħra madwar id-dinja.

Is-Segretarju Parlamentari Cutajar tenniet l-impenn tal-Gvern f’dan ir-rigward u li se jkompli jappoġġja din l-inizjattiva hekk kif għamel sa mill-ewwel stadji tal-offerta.

Clayton Mercieca, Community Manager għall-Allied Rainbow Communities (ARC), qal li huma onorati li bħala pajjiż ingħatajna l-opportunità li nospitaw l-EuroPride f’Malta fl-2023. Bħala pajjiż għandna ħafna x’nuru. Malta hekk se tkun simbolu ta’ tama u xempju li l-bidla tista sseħħ.

Aħna nħarsu ’l quddiem biex naħdmu mal-partijiet interessati kollha biex din l-esperjenza tkun waħda indimentikabbli u nkomplu nimbuttaw lil Malta ’l fuq fuq il-mappa tal-ugwaljanza.

It-tema ta’ dan l-avveniment storiku se tkun #EqualityFromTheHeart u se jara għaxar t’ijiem ta’ konferenzi, avvenimenti u laqgħat soċjali b’appoġġ għall-komunità LGBTIQ.Attachments area

Sport