Monday, December 23, 2024

Malta mbassra bl-akbar tkabbir fl-UE din is-sena – rapport tal-Kummissjoni Ewropea

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-aħħar tbassir ekonomiku tagħha għax-xitwa li ġejja, il-Kummissjoni Ewropea qed tipproġetta li Malta se tirreġistra l-akbar tkabbir ekonomiku fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea fl-2022, tant li r-rata ta’ tkabbir imbassra hi ta’ 6%. Dan meta l-medja Ewropea se tkun 4%. 

Fir-rapport dwar Malta jiġi nnotat ukoll li t-tkabbir fil-Prodott Domestiku Gross (PDG) ta’ Malta hu stmat li reġa’ lura b’mod qawwi għal 5.9% fl-2021. Dan it-tkabbir huwa mmexxi mill-prestazzjoni qawwija fl-ewwel kwarti tas-sena, meta t-titjib tas-sitwazzjoni tas-saħħa pubblika f’Malta ppermetti li jonqsu l-miżuri ta’ restrizzjoni.

“Sentiment imtejjeb tan-negozju u tal-konsumatur kif ukoll irkupru fit-turiżmu appoġġjaw l-ekonomija,” żied jingħad fir-rapport.

Jingħad ukoll li matul din is-sena, it-tkabbir huwa mistenni li jerġa’ jiżdied hekk kif id-domanda domestika tirkupra, li hija appoġġjata wkoll mill-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljnza. Il-PDG ta’ Malta huwa mbassar li jikber b’6% fl-2022 u 5% fl-2023. 

Il-Kummissjoni Ewropea saħqet li Malta mistennija tilħaq il-livelli ta’ attività ekonomika ta’ qabel il-pandemija lejn nofs din is-sena. Qalet ukoll li d-deċiżjoni tal-FATF, li tpoġġi lil Malta taħt iżjed moniteraġġ, tħalli riskju limitat. 

Meta mqabbla mal-medja tal-UE, l-inflazzjoni f’Malta żdiedet b’mod moderat fl-2021. L-awtoritajiet tal-pajjiż esprimew l-impenn li jkomplu jillimitaw it-tkabbir fil-prezzijiet tal-enerġija fl-2022. Wara li żdiedet għal 2.1% fl-2022, ir-rata ta’ inflazzjoni mbassra mistennija tkun ta’ 1.9% fl-2023.

Ekonomija

Sport