Saturday, December 21, 2024

“Malta mhix se taċċetta u tiggarantixxi salvataġġ ta’ aktar immigranti”

Aqra wkoll

Il-Ministri Evarist Bartolo u Byron Camilleri f’laqgħat mal-ambaxxaturi tal-Libja, tal-Ġermanja u tal-Italja

Wara li l-gvern iddikjara li Malta mhix se taċċetta u tiggarantixxi salvataġġ ta’ aktar immigranti, din il-pożizzjoni twasslet b’mod formali lil-Libja, lill-Italja u lill-Ġermanja f’laqgħat li l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo u l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri kellhom mal-ambaxxaturi tal-pajjiżi rispettivi għal Malta.

Mal-ambaxxatur Libjan ġiet diskussa s-sitwazzjoni fil-Libja fejn l-instabbiltà mhux biss qed timmina l-ġlieda kontra l-Coronavirus fil-pajjiż, iżda wasslet biex infetħu ċ-ċentri tal-immigranti, bit-traffikanti tal-bnedmin lesti biex jisfruttawhom.  

Dan l-iżvilupp ħoloq theddida akbar għall-pajjiżi fin-Nofsinhar tal-Ewropa, fosthom l-Italja li diġà ħabbret li għalqet il-portijiet tagħha għall-migranti irregolari, ftit qabel ma l-Gvern Malti ddikjara wkoll l-istess pożizzjoni. 

Iżda dan ma waqqafx aġenziji mhux governattivi milli jinjoraw it-twissijiet u joperaw fil-Mediterran waqt li jiffaċilitaw, b’mod dirett jew indirett, in-negozju tat-traffikanti, billi jinterċettaw il-migranti barra l-ibħra territorjali tal-Libja. 

F’dan ir-rigward, il-Ministri Bartolo u Camilleri tkellmu mal-ambaxxatur Ġermaniż għal Malta wara li l-bastiment Alan Kurdi, li jtajjar bandiera Ġermaniża, interċettaw 150 immigrant li ħarbu mil-Libja. Eventwalment irriżulta wkoll li mhux biss il-bastiment ma kellux garanzija ta’ port fejn jidħol, iżda lanqas provvista biżżejjed biex jieħu ħsieb lil dawk li interċetta, fosthom ikel, mediċina u prodotti sanitarji. Minħabba l-operat ta’ dan il-bastiment, ġie osservat influss ikbar ta’ migranti. Il-ministri fissru li l-aġir ta’ bastimenti bħal dan iservi ta’ kalamita għall-immigrazzjoni illegali.  

Aktar kmieni dalgħodu, il-Ministru Byron Camilleri tkellem mal-Kummissarju Ewropew għall-Intern Ylva Johansson u saħaq li l-Unjoni Ewropea għandha terfa’ r-responsabbiltajiet tagħha, speċjalment bħalissa f’dawn iċ-ċirkostanzi li qed naffaċċjaw. 

Matul it-taħdidiet kollha, il-ministri saħqu li fis-sitwazzjoni preżenti, ir-riżorsi kollha tal-pajjiż, b’mod speċjali l-korpi dixxiplinati u l-awtoritajiet tas-saħħa, qed jaħdmu qatigħ biex isalvaw il-ħajjiet fuq l-art, u żgur li ma jistgħux jiggarantixxu li jsalvaw il-ħajjiet fuq il-baħar. 

Ekonomija

Sport