Malta miegħek: Għaxar inizjattivi għal ekonomija aktar produttiva, kompetittiva u b’valur miżjud ogħla

Aqra wkoll

Wara l-Budget imħabbar nhar it-Tnejn, il-Ministru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u l-Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri ppreżenta għaxar inizjattivi għal ekonomija aktar produttiva, kompetittiva u innovattiva. 

Il-Ministru Schembri saħaq li dawn il-miżuri għandhom l-għan li jħeġġu investiment ta’ kwalità, inaqqsu l-burokrazija u joħolqu aktar valur miżjud, biex il-progress ekonomiku jkompli jsostni l-investiment fil-familji u fil-kwalità tal-ħajja, f’konformità mal-Viżjoni Malta 2050.

Taxxa mnaqqsa għall-kumpaniji żgħar li jżommu jew jerġgħu jinvestu l-profitti fin-negozju

Mis-sena d-dieħla, kumpaniji żgħar b’fatturat li ma jaqbiżx il-€1 miljun se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn tnaqqis fir-rata tat-taxxa minn 35% għal 25% fuq il-profitti miżmuma jew investiti mill-ġdid fin-negozju. Kumpaniji li jqassmu l-profitti tagħhom f’dividend se jiġu intaxxati 35%, u dan sabiex jintbgħat messaġġ favur kumpaniji li jibqgħu jinvestu fil-futur tagħhom.

Aktar minn €100 miljun għall-intelliġenza artifiċjali u d-diġitalizzazzjoni

Għas-sena d-dieħla se jiġu allokati aktar minn €100 miljun għall-qasam diġitali. Sal-aħħar ta’ din is-sena se tibda titħaddem ukoll skema b’allokazzjoni ta’ €120 miljun, li toffri kreditu ta’ taxxa ta’ 60% fuq investiment eliġibbli fl-awtomazzjoni, fl-intelliġenza artifiċjali u fid-diġitalizzazzjoni. 

Approċċ aktar dirett biex nattiraw investiment barrani ta’ kwalità

It-tisħiħ u r-ristrutturar tal-FDI Unit fi ħdan Malta Enterprise biex tidentifika opportunitajiet konkreti u tistabbilixxi kuntatt dirett ma’ investituri u Kapijiet Eżekuttivi, bl-ewwel żjara skedata għall-ġimgħat li ġejjin u se ssir f’Londra, fir-Renju Unit.

€20 miljun mill-fondi Ewropej għat-trasformazzjoni tan-negozji

Allokazzjoni addizzjonali ta’ €20 miljun mill-fondi Ewropej matul is-sena d-dieħla biex tkompli tappoġġja l-investiment, id-diġitalizzazzjoni u t-titjib teknoloġiku tan-negozji, b’enfasi fuq il-produttività, l-effiċjenza u l-kompetittività internazzjonali.

Strateġija nazzjonali ġdida għall-intelliġenza artifiċjali u aktar taħriġ

Wara li snin ilu Malta kienet l-ewwel pajjiż li addottat strateġija nazzjonali dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, ix-xahar id-dieħel se titnieda l-istrateġija nazzjonali aġġornata sal-2030, b’aktar minn 80 miżura konkreta u l-ambizzjoni li, fi żmien ħames snin, 40% tan-negozji jużaw l-AI. Dan flimkien mal-programm AI Għal Kulħadd, li għalih irreġistraw kważi 50,000 persuna, u 32,000 persuna diġà temmew il-kors b’suċċess. 

Estensjoni tal-Business Wallet biex tonqos il-burokrazija

Il-Business Wallet diġà jgħaqqad seba’ entitajiet fl-ewwel ftit xhur tiegħu. Sal-ewwel kwart tas-sena d-dieħla se jiżdiedu sitt entitajiet oħra. Eventwalment il-pjattaforma se tinfetaħ ukoll għas-settur privat.

Diversifikazzjoni ekonomika f’setturi innovattivi

Fond inizjali ta’ €2 miljun għall-kumpaniji fl-iżvilupp tal-video games u d-divertiment interattiv, flimkien ma’ skemi biex jattiraw programmi internazzjonali ta’ aċċellerazzjoni f’oqsma bħall-EdTech u ċ-chip design. 

Politika dwar il-pannelli solari fiż-żoni industrijali

Integrazzjoni aħjar tal-enerġija u s-sostenibbiltà fil-pjanijiet tagħna għall-iżvilupp industrijali. Dan ifisser li se titħabbar politika li tħeġġeġ l-użu tal-pannelli solari u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fiż-żoni industrijali, filwaqt li tqis il-ħtiġijiet operattivi tan-negozji u l-aspetti tekniċi.

Politika industrijali nazzjonali u tisħiħ tal-qafas operattiv

Fil-jiem li ġejjin se jitressaq fil-Parlament abbozz ta’ liġi biex jissaħħaħ il-qafas operattiv ta’ Malta Enterprise u INDIS Malta. Fl-istess waqt, se tinħareġ sejħa għall-formulazzjoni tal-ewwel politika industrijali ta’ pajjiżna, b’direzzjoni fit-tul għall-investiment, l-infrastruttura, it-teknoloġija u l-ħiliet.

Studju u konsultazzjoni dwar ir-riklamazzjoni tal-art f’Bengħajsa

Inħarġet sejħa għal studju dettaljat, flimkien ma’ konsultazzjoni wiesgħa, dwar il-possibbiltà ta’ riklamazzjoni tal-art qrib il-Freeport għal żona marbuta mal-attività marittima. Il-proċess se jeżamina l-fattibbiltà ekonomika, l-impatti ambjentali, il-konnettività u l-infrastruttura meħtieġa qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar il-proġett.

“Dawn l-inizjattivi jagħtu forma konkreta lill-ambizzjoni tagħna għall-Viżjoni Malta 2050. Qed ninvestu fil-kapaċità tan-negozji tagħna li jikkompetu, fil-ħiliet tan-nies u fis-setturi li jistgħu joħolqu l-opportunitajiet ta’ għada,” temm jgħid il-Ministru Silvio Schembri.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport