Fil-jiem li ġejjin, se jibda d-dibattitu parlamentari dwar il-Budget għas-sena li ġejja. Naturalment il-poplu, l-aktar li se jinteressah mhux x’jingħad imma x’se jitwettaq minn dan il-budget.
Fil-fatt, it-twettiq tal-miżuri tal-budget huwa pass importanti biex pajjiż ikun jista’ jkompli javvanza u jsaħħaħ il-pedamenti tal-ekonomija tiegħu. Dan għaliex budget m’għandux jitqies biss bħala dokument finanzjarju, iżda bħala pjan konkret li permezz tiegħu l-wegħdiet jinbidu f’riżultati li jtejbu l-għajxien tal-familji Maltin u Għawdxin.
Huwa fatt pożittiv li r-rata ta’ ħidma mwettqa għall-implimentazzjoni tal-Budget 2026 kienet ta’ 86%, li hi mistennija li titla’ għal madwar 90% sal-aħħar tas-sena. Dan ifisser li l-maġġoranza kbira ta’ dak li ġie mħabbar, twettaq.
Aspett pożittiv ieħor huwa li budget imwettaq b’serjetà u b’viżjoni fit-tul jista’ joffri aktar stabbiltà u fiduċja. Meta l-miżuri ppjanati jitwettqu fil-ħin u r-riżorsi pubbliċi jintużaw b’mod responsabbli, iċ-ċittadini jkunu jistgħu jaraw il-benefiċċji tal-politika ekonomika fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom.
F’Malta, l-andament ekonomiku huwa wieħed b’saħħtu. U dan il-Gvern għandu track record ta’ budgets responsabbli, li minbarra li jwieżnu lill-familji u lin-negozji, jgħinu biex jilħqu l-miri ekonomiċi biex pajjiżna jibqa’ b’saħħtu.
U dan kollu jwassalna għall-budget tas-sena d-dieħla li l-miżuri tiegħu kulħadd jaf x’inhuma. Tant li saħansitra kien hemm min faħħar sew u oħrajn li kkritikaw l-istess budget fir-rigward l-aktar tal-miżuri li jolqtu lill-ħaddiema minn pajjiżi terzi.
Naturalment, għandna għax nifhmu li d-diskorsi u l-argumenti favur jew kontra l-miżuri tal-budget se jissoktaw fil-jiem li ġejjin. Dibattiti bħal dawn huma pożittivi f’demokrazija fejn kulħadd ikollu d-dritt li jesprimi l-fehma tiegħu.
Kif rajna diġà, kien hemm ukoll min ikkummenta fuq il-mezzi soċjali dwar il-Budget, li bla dubju huwa l-aktar eżerċizzju annwali importanti fil-ħidma tal-Gvern. Issa l-poplu jistenna li kull Ministeru jwettaq dak li jinkorpora l-Budget għad-dekasteru li tiegħu huwa responsabbli.




