Il-Budget li se jiġi ppreżentat illum mill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana għandu sinifikat partikolari, hekk kif se jkun l-ewwel budget ta’ din il-leġiżlatura. Bit-tema “Malta Miegħek”, il-Gvern qed jenfasizza l-appoġġ li qed jagħti u li beħsiebu jibqa’ jagħti lill-familji u lin-negozji, filwaqt li jħares ukoll lejn id-direzzjoni ekonomika u soċjali tal-pajjiż għas-snin li ġejjin.
Għalhekk il-mistoqsija ewlenija tibqa’ x’se jfisser dan il-budget għall-familji, għall-ħaddiema, għall-pensjonanti u għan-negozji. Bla dubju li t-tema nnifisha tqajjem aspettattivi dwar il-miżuri li se jitħabbru u dwar kif dawn jistgħu jkomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja u joħolqu aktar opportunitajiet għal kulħadd.
Minkejja l-kuntest ġeopolitiku, li joffri diversi sfidi, f’Malta baqgħet tiddomina l-istabbiltà, fost oħrajn bid-deċiżjoni tal-Gvern li jiggarantixxi s-sussidji fil-prezzijiet tal-enerġija, b’investiment ta’ €400 miljun din is-sena u €400 miljun oħra s-sena d-dieħla. Dawn il-miżuri u aktar jistgħu jittieħdu għaliex għandna ekonomija b’saħħitha, li kompliet tikber b’rata li tiżboq sew il-medja Ewropea.
Skont dak li qal il-Prim Ministru Robert Abela, meta wieħed iqis l-ammont li se jiġi investit fin-nies fil-Budget tal-lum, il-miżuri li se jitħabbru mistennija jagħmlu dan il-budget aktar b’saħħtu minn dak ta’ qablu.
Għandna għalhekk nifhmu li dan se jkun budget ieħor li fih il-pensjonani se jerġgħu jingħataw prijorità. Dan nistgħu ngħiduh għaliex budget wara l-ieħor, il-Gvern baqa’ jżid il-pensjonijiet u anke kompla jgħin lil dawk li jifilħu l-inqas fil-pajjiż.
Għalhekk ukoll li dan se jkun budget li fih se ssir analiżi ċara ta’ fejn ninsabu llum u fejn irridu mmorru bħala pajjiż. Dan ifisser li l-miżuri jridu jħarsu mhux biss lejn il-preżent imma wkoll ikunu parti minn viżjoni fit-tul li tħejji lil Malta għall-isfidi u l-opportunitajiet tal-futur. F’dan il-kuntest, il-Budget għandu jkun marbut mal-miri tal-Viżjoni Malta 2050, biex it-tkabbir ekonomiku jkompli jissarraf f’aktar kwalità ta’ ħajja, opportunitajiet u serħan il-moħħ għan-nies.




