Il-preżentazzjoni tal-Budget 2027 tiftaħ perjodu importanti u impenjattiv fil-ħidma tal-Parlament

- l-Ispeaker Carmelo Abela

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-preżentazzjoni tal-Budget għas-sena 2027 tiftaħ perjodu importanti u impenjattiv fil-ħidma tal-Parlament, fejn il-Membri Parlamentari jkollhom l-opportunità jiddiskutu fid-dettall il-prijoritajiet tal-Gvern, l-allokazzjoni tar-riżorsi pubbliċi u l-estimi finanzjarji ta’ kull Ministeru.

L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Carmelo Abela, f’kummenti ma’ dan il-ġurnal, qal li jħares ’il quddiem lejn dan il-perjodu ta’ ħidma parlamentari, li jagħti opportunità lill-Membri Parlamentari kollha sabiex jagħtu l-kontribut tagħhom fid-diskussjonijiet dwar il-Budget.

“Min-naħa tiegħi, se nkompli naħdem sabiex il-ħidma tal-Kamra titmexxa bl-aħjar mod possibbli, fi spirtu ta’ kollaborazzjoni u rispett reċiproku. Nemmen li d-diskussjonijiet dwar il-Budget għandhom ikunu opportunità għal dibattitu serju, kostruttiv u responsabbli, fejn, lil hinn mid-differenzi politiċi, l-interess taċ-ċittadin jibqa’ fiċ-ċentru tal-ħidma parlamentari,” qal l-Ispeaker.

Huwa importanti, kompla jgħid l-Ispeaker, li matul dawn il-ġimgħat naraw dibattiti li mhux biss jindirizzaw il-proposti u l-miżuri mressqa, iżda li jikkontribwixxu wkoll għal aktar trasparenza, responsabbiltà u skrutinju parlamentari. 

Għalhekk, huwa appella lill-Membri Parlamentari kollha sabiex jagħmlu l-aħjar użu minn dan iż-żmien, b’dibattiti ta’ kwalità li jkomplu jsaħħu r-rwol u r-rilevanza tal-Parlament fis-soċjetà Maltija.

“Parlament b’saħħtu jfisser demokrazija b’saħħitha, u dan għandu jibqa’ l-għan komuni tagħna lkoll,” temm jgħid l-Ispeaker Abela. 

Previous article
Next article

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport