Monday, October 26, 2026
Home Bloggers KONTRA L-IMPUNITÀ

KONTRA L-IMPUNITÀ

0
69

Is-sinjali huma li f’ċerti oqsma, qed tittieħed azzjoni kontra l-impunità li uħud kienu jaħsbu li jgawdu billi jagħmlu fattihom, waqt li l-awtoritajiet jagħmlu tabiruħhom li ma raw xejn, jew jillipazzaw b’liġijiet u regolamenti li jitħaddmu qishom kienu tal-lastku.

M’hemm xejn agħar minn das-sentiment biex inawwar kull fiduċja fil-ġustizzja… jew aħjar, fit-twettiq tal-“fair play” meta l-awtoritajiet jiddeċiedu x’jista’ jsir. Ghax in-nies issir konvinta li tista’ tagħmel li trid. Jekk hemm min għandu s-saħħa biex dak li jagħmel ħażin jitħalla jgħaddi jew jinħafirlu, min m’għandux l-istess saħħa se jara kif l-aħjar ibażwar biex jasal għall-istess għan. Aktar iva milli le, se jirnexxilu f’dan, għax f’demokrazija min għandu s-setgħa jippreferi jibqa’ ħbieb ma’ kulħadd.

Saret ħaġa urġenti li l-isforzi biex tinqata’ kull impunità jieħdu r-rankatura. Mhux f’Malta biss imma f’pajjiżi demokratiċi oħra Ewropej ukoll. Huma sforzi hekk li jimmarkaw demokrazija minn stat awtoritarju jew dittatura.

BUDGET

L-isfidi quddiem il-budget ta’ dis-sena huma aktar komplikati minn ta’ snin oħra u mhux biss minħabba l-politika ta’ sussidji li l-gvern iddikjara li se jkompli jmexxi. Għax waqt li l-inċertezzi li jdawru lill-Ewropa (u lil pajjiżna) huma immedjati, l-isfidi li jridu jilqgħu għalihom huma wkoll tat-tul.

Issa biex tilqa’ għal dak li ġej fuqek mill-viċin, l-għodod u l-metodi huma differenti minn dawk meħtieġa biex tilqa’ għal x’jista’ jinqala’ f’futur aktar imbiegħed. Li tipprova tilqa’ għat-tnejn hi mira kruċjali. Li fl-istess waqt tirnexxi f’dan hu eżerċizzju delikat, ta’ spiss impossibbli. Għax jekk x’jgħodd għall-immedjat jikkuntradixxi jew idgħajjef dak li jiswa għal futur imbiegħed, kif se tagħżel b’mod li jagħmel sens?

Hi dilemma li qed titturmenta numru ta’ ministri tal-finanzi, anke fosthom dawk li jiċħdu li teżisti.

ĠIGANTIŻMU

Il-fondi dedikati għall-investimenti jew għan-negozji fl-oqsma tal-intelliġenza artifiċjali huma kolossali. Jissemmew il-ħin kollu ammonti ta’ mijiet ta’ biljuni u triljuni f’dollari. Il-profitti li diġà qed jiġu dikjarati dwar ċerti proġetti wkoll jlaħħqu daqs enormi għalkemm mhux dejjem ikun ċar jekk humiex qed jissarrfu fi flejjes “kontanti”. 

Jintqal li din mhix l-ewwel darba li l-iżvilupp tal-kapitaliżmu seħħ fuq skala enormi. Imqabbel mad-daqs tal-ekonomiji taż-żmien li kien, l-istess ġara f’epoki oħra. Forsi.

Xorta waħda jibqa’ jberren l-inkwiet quddiem dak li jinsab għaddej. Jekk dan iċ-ċaqliq ġganti ta’ kapital ma jilħaqx il-miri tiegħu ta’ profitt, x’se jinqala’ – kriżi dinjija bla preċedent? Min-naħa l-oħra, jekk jirnexxi, jista’ jiġri li d-dinja tispiċċa dominata minn dawk il-ftit li bħalissa qed imexxu dil-ħidma ġgantija fl-IA?

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here