Iċ-champions Hamrun Spartans se jibdew id-difiża tat-titlu kontra t-team promoss ta’ Zabbar St Patrick, fl-ewwel ġurnata tal-360Sports Malta Premier League 2024-25, hekk kif ilbieraħ ittellgħu l-poloz tal-ewwel round, fis-sala ewlenija tas-Centenary Stadium.
Il-poloz l-oħra rriżultaw hekk:
Floriana v Melita
Sliema Wanderers v Mosta
Marsaxlokk v Gzira United
Hibernians v Naxxar Lions
Birkirkara v Balzan
*Waqt li kien qed jindirizza lill-media, iċ-chairman tal-Premier League Limited, Alan Abela, spjega li għall-ewwel darba, il-poloz kienu qed isiru permezz ta’ algoritmu tal-kompjuter magħmul apposta li jifred l-hekk imsejħa partiti A, li jinvolvu timijiet li spiċċaw fl-ewwel sitt postijiet, daqstant kemm jista’ jkun biex ikun hemm biss konfront dirett wieħed jew tnejn bejn timijiet bħal dawn f’Matchday partikolari.
Madankollu l-partiti tal-ewwel Matchday kienu predeterminati biex ipoġġu liċ-champions tal-Premier League kontra r-runners-up taċ-Challenge League, ir-runners-up tal-Premier League kontra ċ-champions taċ-Challenge League u mbagħad it-tielet post kontra l-għaxra, ir-raba’ kontra d-disgħa, il-ħames kontra t-tmienja u s-sitta kontra s-seba’ post.
Abela ħabbar li t-360Sports Malta Premier se jibda, fis-16 ta’ Awwissu, b’logħbiet jintlagħbu bejn is-Sibt u t-Tnejn u l-Ġimgħa u l-Ħdud f’ġimgħat alternattivi.
Il-partiti se jintlagħbu l-aktar fin-National Stadium u f’Tony Bezzina Stadium għalkemm se jintużaw ukoll is-Centenary Stadium u l-Victor Tedesco Stadium.
Partita waħda partikolari mit-Tieni Round bejn it-28 u l-31 ta’ Marzu se tintlagħab f’Għawdex grazzi għall-appoġġ tal-Ministeru għal Għawdex.
Fi tmiem l-ewwel fażi tal-Ewwel Round, terġa’ ssir polza li tiddetermina l-fixtures għat-Top 6 u s-sitt timijiet ta’ taħt.
Il-partiti ta’ Matchday 12 u Matchday 16 ikunu predeterminati kif ġej: 1 v 6, 2 v 5 u 3 v 4 għall-Matchday 12 .. u 1 v 2, 3 v 4 u 5 v 6 għall-Matchday 16.