Wednesday, March 12, 2025

Malta Premier: Floriana v Birkirkara l-aktar attraenti

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Bejn illum u għada tintlagħab l-10 ġurnata tal-Closing Round jew aħjar is-26 waħda tal-istaġun.

Dan il-programm se jintlagħab matul il-ġimgħa min­­ħabba l-preparazzjoni tat-team nazzjonali Malti għaż-żewġ logħbiet validi mill-kwalifikazzjoni tat-Taz­za tad-Dinja 2026 kontra l-Finlandja f’darna u l-Po­lonja barra minn xtutna.

Dan il-programm mistenni jagħti indikazzjoni fejn it-timijiet jistgħu jispiċċa f’din id-dritta finali tal- kampjonat. 

L-aktar konfront li jis­pikka huwa dak bejn il-leaders Floriana u Birkirkara, b’dawn tal-aħħar jimmiraw li jaqbżu lill-Greens fil-quċ­ċata tal-klassifika. 

Partita oħra mill-aktar interessanti hija dik bejn Hamrun Spartans u Sliema Wanderers li xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji taż-żewġ timijiet. 

Marsaxlokk jimmiraw li jirritornaw għar-rebħ meta jaffrontaw lit-team ta’ qiegħ il-klassifika Naxxar Lions. 

Hibernians għandhom par­tita delikata meta jiltaqgħu kontra Balzan li jinsabu fil-bżonn tal-punti hekk kif qed jissieltu għas-salvazzjoni. 

Żewġ partiti diretti għat-Top Six huma Mosta kontra Melita u Zabbar St Patrick kontra Gzira United. 

Floriana v Birkirkara – Din hija l-aqwa partita ta’ dan il-programm fejn Flo­riana jaffrontaw lil Birkirkara li fl-aħħar ħarġa tagħhom spiċċaw fi draw ta’ 1-1 kontra Marsaxlokk biex il-Furjaniżi approfittaw u bir-reb­ħa ta’ 3-0 fuq Gzira United, huma qab­żu wa­ħedhom fil-quċċata tal- klassifika. 

Dan huwa konfront bejn iż-żewġ timijiet li fl-Opening Round spiċċaw fl-ew­wel żewġ postijiet biex aċċertaw ruħhom fis-semi-finali għar-rebħ tat-titlu. 

Madankollu jekk Floria­na jtemmu fl-ewwel post f’dan il-Closing Round, ji­ġu nkurunati champions. 

Kull team għandu player sospiż – il-goalkeeper Yann-Alexandre Fillion għal Floriana u Shaun Dimech għal Birkirkara. 

Min-naħa l-oħra, Floriana jilqgħu lura lil Oualid El Hasni minn sospensjoni.

Fiż-żewġ konfronti pre­ċedenti Floriana dejjem ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-1 u 1-0. 

Hamrun S. v Sliema W. – Taħt it-tmexxija l-ġdida tal-coach, Winston Muscat, Hamrun Spartans jiffaċċjaw lil Sliema Wanderers hekk kif iż-żewġ timijiet ma jaffordjawx jitilfu l-punti … Hamrun biex iżommu t-tamiet tagħhom li jtemmu mal-ewwel tnejn filwaqt li Sliema qed jissieltu biex itemmu mal-ewwel sitta. 

Il-pressjoni tinsab fuq l-Ispartans minħabba li ma jistgħux ifallu milli jis­piċċaw fl-ewwel żewġ postijiet.

Wara bidu tant tajjeb, il-Wanderers bħal don­­n­hom sfaxxaw, tant, li sofrew tliet telfiet konsekuttivi. Telfa għalihom tkun indikazzjoni li fit-tieni round jilagħbu fil-Bottom Six.

L-Ispartans ma jistgħux jinkludu lil Raphael Lopes Silva għax sospiż filwaqt li jirritorna Elionay Freitas Da Silva minn sospensjoni.  

Min-naħa l-oħra, għall-Blues jirritorna Geoffrey Acheampong minn sos­pen­sjoni. 

Fiż-żewġ logħbiet pre­ċedenti, Sliema rebħu waħda 1-0 bl-oħra tintemm fi draw ta’ 1-1.  

Naxxar L. v Marsaxlokk – Marsaxlokk jibdew favoriti li jieħdu t-tliet punti meta jiltaqgħu kontra t-team ta’ qiegħ il-klassifika, Naxxar Lions. 

Rebħa hija fundamentali għax-Xlukkajri biex iżommu l-pass mal-leaders Flo­riana u saħansitra jistgħu jaqbżu waħedhom fl-ewwel post jekk il-Greens itemmu fi draw kontra Birkirkara. 

Huma ma jistgħux jinkludu lil Nikolai Muscat u lil Jose Ulises Arias għax sospiżi filwaqt Naxxar se jkunu msaħħa bir-ritorn ta’ Yasukaze Ito minn sospensjoni. 

Fiż-żewġ partiti diretti ż-żewġ timijiet spiċċaw fi draws ta’ 0-0 u 1-1.   

Hibernians v Balzan– Jekk Hibernians iridu jżommu l-pass fit-tentattiv li jtemmu fl-ewwel żewġ postijiet ta’ din il-fażi, hija prioritá għalihom li joħorġu  bit-tliet punti kontra Balzan li jinsabu fil-post ta’ qabel l-aħħar. 

Peró, il-Pawlisti jridu juru rispett massimu lejn il- Balzanin li l-pożizzjoni tagħhom hija “gidba” min­ħabba li dejjem kienu sfida denja għal kull avversarju.

Hibernians se jkunu min­għajr is-sospiż Lucas Caruana iżda jirritornaw Pedro Henrique u Alfred Hamanjoda Silas minn sos­pensjoni filwaqt li Nicholas Pulis jirritorna għal Balzan.  

Fil-partita preċedenti Hibernians ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 1-0.  

Mosta Melita – Din hija partita diretta bejn żewġ timijiet li qed jiġġieldu għal post mat-Top Six.

Iż-żewġ timijiet mistennija jinżlu bl-aqwa formazzjoni possibbli hekk kif għal Melita jirritorna Marc Van De Font Bovenkamp minn sospensjoni.

Fil-konfront preċedenti Mosta kienu għelbu lil Melita bl-iskor ta’ 2-1.

Zabbar SP v Gzira U.– Din hija partita miftuħa għal kull riżultat bejn żewġ timijiet li għandhom l-is­tess ammont ta’ punti u li jinsabu biċ-ċans li jikkwa­lifikaw mat-Top Six. 

Gzira għandhom lil Thaylor Aldama u lil Gab­riel Bohrer Mentz sospiżi filwaqt li Diogo Tavares u David Oliveira Souza jirritornaw għal Zabbar minn sospensjoni. 

Fiż-żewġ partiti tal-Ew­wel Fażi, il-Maroons dejjem ħarġu rebbieħa bl-iskors ta’ 3-1 u 2-1.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport