Centenary Stadium
BIRŻEBBUĠA ST PETER’S….. 0
FLORIANA………………………. 3
Minn Cristian Muscat
Floriana bdew id-difiża tat-titlu fuq nota mill-aktar pożittiva meta rreġistraw rebħa komda ta’ 3-0 fuq id-debuttanti Birżebbuġa St Peter’s.
Birżebbuġa kitbu l-istorja, hekk kif għamlu d-debutt tagħhom fl-ogħla diviżjoni Maltija biex saru s-37 team li lagħab fil-Kampjonat Premier mindu ġie fis-seħħ fl-istaġun 1980/81.
Huma lagħbu bi skwadra kompletament differenti minn dik tal-istaġun li għadda fiċ-Challenge League wara li fis-sajf li għadda kienu attivi fis-suq tat-trasferimenti.
Fl-ewwel taqima, Birżebbuga żammew il-pass ma’ Floriana, iżda mbagħad fit-tieni taqsima, il-Greens ħadu l-kmand assolut, u l-kollettiv tagħhom issupera l-individwalitá ta’ Birżebbuġa.
Kienu dawn tal-aħħar li ħolqu l-ewwel periklu fis-sitt minuta meta Shaun Dimech għadda tajjeb fuq ix-xellug qabel kellu l-konklużjoni tiegħu mill-goalkeeper, Guilherme Cioletti.
Huma komplew fuq l-offensiva u sitt minuti wara, Yuri De Jesus Messias għadda tajjeb lejn Goncalves Costa li għeleb in-nasba tal-offisde u żmarkat għal kollox ġiegħel lil Cioletti jsalva b’siequ għal corner.
Iżda kienu Floriana li rebħu penalty man-nofs siegħa logħob meta d-difensur, Alessandro Coppola, mess il-ballun b’idu fil-kaxxa, b’dan il-penalty żgur li seta’ ġie evitat minn Birżebbuġa.
Mill-11-il metru, bil-kalma kollha PAUL MBONG xeħet lill-goalkeeper, Mattia Chiesa fuq in-naħa opposta.
Fit-53 minuta, Floriana rduppjaw meta Dunstan Vella għadda tajjeb lejn TOMILSLAV GUDELJ li permezz ta’ xutt angolat xeħet il-ballun fir-rokna tax-xibka.
U proprju minuta biss wara, il-Greens kienu ferm sfortunati li ma skorjawx it-tielet goal meta Gudelj mill-viċin ra t-tentattiv tiegħu jistampa mal-mimduda, b’Birżebbuġa jeħilsuha ħafif.
Huma komplew jiddominaw u mas-siegħa logħob huma żiedu l-iskor meta MYLES BEERMAN qabeż difesnur avversarju, qabel venven xutt mill-isbaħ li ntemm fir-rokna tax-xibka, biex irriżulta goal tal-istampi.
Fid-69 minuta Floriana nagħtaw penalty meta s-sostitut, Jacob Walker, waqqa’ lil Mbong fil-kaxxa.
Iżda mill-11-il metru, l-eżekuzzjoni ta’ Federico Varela kienet á la Panenka u l-ballun ħabat mal-mimduda minflok intemm fix-xibka.
Birżebbuġa SP: Mattia Chiesa, Zachary Cassar, Shaun Dimech, Yuri De Jesus Messias, Rasmus Pedersen Thellufsen (Kurt Bondin 65), Gabriel Goncalves Costa (Jacob Walker 65), Juan Andres Bolanos Ramirez, Alessandro Coppola (Luis Carlos Riascos 79), Alex Bruno De Souza Silva (Matthew Xuereb 85), Daniel Zerafa (Stipe Tokic 65), Jackson Mendoza – Coach: Edgar Degabriele
Floriana: Guilherme Cioletti, Myles Beerman, Amar Drina, Federico Varela (Robert Muric 72), Alen Kurtalic (Dunstan Vella 46), Gaston Manuel Romano, Owen Spiteri, Carlo Zammit Lonardelli, Tomislav Gudelj (Emerson Piscopo 91), Paul Mbong (Denzel Attard 83), Yassine Jbira (Kenan Dervisagic 72) – Coach: Daniel Portela
Referee: Ismael Barbara
assistenti: James Muscat, Duncan Spencer
Raba’ Uff.: Slobodan Petrovic
Skorers: P. Mbong 32 pen, T. Gudelj 53, M. Beerman 60 (F)
Ammoniti: A. Drina, A. Bruno De Souza Silva, G. Goncalves Costa, M. Chiesa (B); T. Gudelj, D. Vella (F)
Player tal-Logħba: Paul Mbong (Floriana)




