Minn Cristian Muscat
Hekk kif matul dawn it-tlett ijiem tintlagħab it-tmien ġurnata tal-Malta Premier League, bla dubju, l-aktar partita li tispikka hija dik bejn Valletta u Sliema Wanderers, żewġ ġganti li matul is-snin iddekoraw il-logħba domestika.
Partita oħra interessanti hija dik bejn Marsaxlokk u Birkirkara li proprju jiftħu dan il-programm u li fiha r- riżultat jista’ jmur kull naħa.
Floriana għandhom partita delikata meta jiltaqgħu kontra Mosta filwaqt li Hamrun Spartans jaffrontaw lil Gzira United li minkejja li jinsabu fil-post ta’ qabel l-aħħar dejjem kienu sfida denja.
Hibernians jiffaċċjaw lil Birżebbuġa St Peter’s li fil-partita preċedenti kisbu l-ewwel punt fl-ogħla diviżjoni.
Il-konfront bejn Balzan u Zabbar St Patrick ukoll għandu jkun konfront attraenti biż-żewġ timijiet jinsabu fil-bżonn tal-punti biex jikkwalifikaw mat-Top Six.
Valletta v Sliema W. – Il-leaders Valletta jilagħbu kontra Sliema Wanderers li ġejjin minn draw diżappuntanti ta’ 1-1 kontra Gzira United filwaqt li l-Beltin ġejjin minn rebħa ta’ 2-0 fuq Birkirkara.
Il-Wanderers għandhom ostaklu kbir quddiemhom minħabba li se jilagħbu kontra l-aqwa attakk u kontra l-aqwa difiża u għaldaqstant iridu jkunu fl-aqwa forma possibbli biex joħorġu bit- tliet punti.
Kull team għandu player sospiż iżda, bla dubju, is-Slimiżi żgur li se jħossu aktar in-nuqqas ta’ Teddy Teuma milli l-Beltin se jħossu n-nuqqas ta’ Petar Sekulovic għalkemm kien fost l-iskorers fl-aħħar partita.
Marsaxlokk v Birkirkara – Din hija partita bejn żewġ timijiet li fl-aħħar żewġ logħbiet irreġistraw rebħa u sofrew telfa kull wieħed.
Birkirkara jridu jinsew id-diżappunt tat-telfa kontra Valletta li minkejja li kellhom wirja tajba ma kienux daqstant inċiżivi biex ġew ikkastigati.
B’hekk huma ħadu daqqa ta’ ħarta kbira fit-tentattiv li jkomplu jisfidaw għal post fit-Top Six u għaldaqstant il-pressjoni tinsab kollha fuqhom.
Ix-Xlukkajri huma avversarji diffiċli u tneħħi t-telfa kbira ta’ 4-1 kontra Hamrun Spartans, huma żammew il-konsistenza bil-konsegwenza li qed jaqsmu t-tieni post ma’ Floriana.
Floriana v Mosta – Wara ż-żewġ punti falluti fid-draw ta’ 1-1 kontra Balzan, hija prioritá li Floriana joħorġu bit-tliet punti.
Madankollu fil-logħba preċedenti kien aktar punt mirbuħ milli tnejn falluti minħabba li kienu qed jiġru wara r-riżultat għal ħinijiet twal.
Min-naħa tagħhom, Mosta fallew żewġ punti oħra fid-draw ta’ 1-1 kontra Gzira United liema goal sofrew proprju fl-aħħar azzjoni tal-partita, nhar l-Erbgħa li għadda.
Gzira U. v Hamrun S. – Hamrun Spartans għandhom test diffiċli meta jiltaqgħu kontra Gzira United li minkejja li jinsabu fin-naħa t’isfel tal-klassifika, xorta waħda jibqgħu team qawwi u li għandu jkollu r-rispett tal-avversarji.
L-Ispartans ġejjin minn draw ta’ 2-2 kontra Hibernians fejn fallew it-tliet punti proprju fl-aħħar xutt tal-logħba hekk kif Jayden Roe kiseb id-draw għall-Pawlisti.
Iż-żewġ timijiet mistennija jinżlu bl-aqwa formazzjoni.
Hibernians v Biżebbuġa SP – Hibernians jibdew favoriti kontra Birżebbuġa St Peter’s li fl-aħħar ħarġa kien jimmeritahom li joħorġu rebbieħa kontra Mosta (2-2).
Anke Hibernians ġejjin minn draw ta’ 2-2 kontra Hamrun Spartans u filwaqt li Birżebbuġa sofrew goal tard Hibernians salvaw il-partita proprju fl-aħħar.
Iżda Birżebbuġa se jkunu mingħajr iż-żewġ players, Juan Bolanos u Alex Bruno, li huma sospiżi.
Balzan v Zabbar SP – Balzan jibdew favoriti meta jiltaqgħu kontra Zabbar St Patrick li ġejjin minn telfa ta’ 2-1 kontra Marsaxlokk.
Iżda Balzan iridu juru rispett lejn l-avversarji li kapaċi jqumu għall-okkażjoni biex jirbħu t-tliet punti.





