Bħal-lum 48 sena, id-dinja kienet “wieqfa” tistenna li minn jista’ jkun il-Papa l-ġdid wara l-mewt ta’ Papa Ġwanni Pawlu I. Kien tard wara nofsinhar meta deher duħħan abjad b’indikazzjoni li l-Kardinali kienu qablu dwar isem li għandu jmexxi l-Knisja Kattolika.
Wojtyla hu l-ewwel Papa mhux Taljan wara 450 sena.
Hekk kif il-Proto-Djaknu ħareġ fil-Loġġja tal-Bażilika ta’ San Pietru sabiex iħabbar isem il-Papa li kien għadu kif ġie elett, mal-intonazzjoni ta’ kunjomu ġab xi ftit tal-inċertezza minħabba li anke kien hemm min ħaseb li l-konklavisti kienu setgħu għażlu xi kardinal minn pajjiż Afrikan.
F’dik l-okkażjoni, il-Kardinal Felici kien deher ukoll serju u mhux daħkan bħalma kien meta deher fl-istess loġġja f’Awwissu ta’ qabel sabiex iħabbar l-elezzjoni għas-Servizz Petrin tal-Patrijarka ta’ Venezja l-Kardinal Albino Luciani …
Dwar dan il-fatt kien tkellem il-Kardinal Zenon Grocholewski.
“Però meta ġie mħabbar ismu li kien ġie elett Papa jien kont qiegħed fil-Kulleġġ Pollakk, ma’ għadd ta’ studenti, konna qed naraw it-televiżjoni u f’daqqa waħda deher il-Kardinal Felici biex iħabbar l-elezzjoni tal-Papa. Hekk kif il-Kardinal Felici deher fuq it-televiżjoni jien mill-ewwel indunajt li xi ħaġa ma kinetx qed tinkwadra … għax jien kont naf lill-Kardinal Felici għal diversi snin … Hu kien il-Prefett tas-Segnatura Apostolica fejn kont naħdem jien. Kien ċajtier u daħkan u hawn deher serju għall-aħħar. Kien jidher imħasseb għal din l-elezzjoni straordinarja … Hu li kien Ruman, kien jikteb il-poeżija bil-Latin … It-tieni ħarġa tiegħu mill-gallarija f’xahrejn! … Iva fl-ewwel waħda deher daħkan … iżda t-tieni darba deher serju u meta beda ‘Annuntio Vobis Gaudium Magnum Habemus Papaem ‘Carolum’ dak il-ħin splodejna bil-ferħ u komplejna … ‘Wojtyla!! u hu kompla Sanctae Romana Ecclesiae Cardinalem Wojtyla … Kien ferħ immens … l-istudenti kollha.
Sa sigħat qabel beda l-konklavi l-Kardinal Wojtyla kien ospitat f’dan il-Kulleġġ Pollakk fi Piazza Remuria.
Jingħad li qabel ma ddikjara li ismu kellu jkun Ġwanni Pawlu II, kellu x-xewqa li jieħu l-isem ta’ Stanislaw għal San Stanislaw isqof martri minn pajjiżu li madwar disa’ mitt sena qabel kien ħa l-martirju mir-Re Bolislaw. Dan ir-re kien ikkundannah għal qtugħ ir-ras. Kien il-Papa Innoċenzu IV li f’Assisi kien ikkanonizzah fl-1253 bħala l-ewwel qaddis Pollakk.




