Saturday, December 21, 2024

Malta Public Transport tniedi “Rate My Trip” fuq Tallinja App

Aqra wkoll

Bħala parti mill-isforzi ta’ Malta Public Transport biex kontinwament issaħħaħ s-servizz lill-pubbliku, il-kumpanija qed tħabbar it-tnedija ta’ “Rate My Trip” disponibbli biss fuq it-Tallinja App.

Din il-karatteristika ġdida tippermetti lid-detenturi ta’ Tallinja Card personalizzati li jkunu vvjaġġaw fuq il-karozza tal-linja b’xejn fi żmien sebat ijiem biex jivvalutaw l-esperjenza tal-ivvjaġġar tagħhom fuq il-karozza tal-linja. L-għan ta’ din il-karatteristika huwa li tidentifika oqsma b’saħħithom u oħrajn li hemm bżonn jiġu indirizzati fis-servizz tal-karozzi tal-linja. Mid-dejta miġbura Malta Public Transport tkun tista’ tinvestiga rotot speċifiċi, karozzi tal-linja, jew sewwieqa biex b’hekk ittejjeb l-esperjenza ġenerali tal-klijent.

Konxja li l-passiġġieri tal-karozzi tal-linja ġejjin minn sfondi differenti, b’ħiliet differenti f’dak li hu teknoloġija u ħiliet lingwistiċi, is-sezzjoni “Rate My Trip” hi mfassla b’mod intuwittiv u faċli għall-utent biex isewgi biex b’hekk kulħadd jista’ jipparteċipa u jipprovdi informazzjoni siewja lill-kumpanija.

Biex jivvalutaw il-vjaġġ tagħhom, kull ma għandhom jagħmlu l-passiġġieri hu li sempliċiment iniżżlu u jirreġistraw fit-Tallinja App, iżidu l-Personalized Tallinja Card tagħhom, jagħżlu l-għażla “Rate My Trip” mill-transaction history tagħhom, u jissottomettu l-klassifikazzjoni tagħhom f’żewġ passi sempliċi.

David Alvarez, id-Direttur tal-Operat ta’ Malta Public Transport qal: “Inħeġġu lid-detenturi kollha ta’ Tallinja Card li vvjaġġaw bil-karozza tal-linja b’xejn biex jivvalutaw il-vjaġġ tagħhom fis-sebat ijiem ta’ wara biex jgħinuna ntejbu s-servizz tagħna tat-trasport pubbliku. Il-feedback li se jinkiseb mill-passiġġieri tagħna huwa imprezzabbli għalina peress li jipprovdi għarfien kritiku u jidentifika oqsma li jista’ jkun hemm bżonn li jiġu indirizzati.”

Tallinja App tipprovdi informazzjoni f’ħin reali dwar is-servizz tal-karozza tal-linja u tista’ tiġi titniżżel b’xejn mill-App Store fuq iPhone jew mill-Google Play Store fuq smartphones Android. Tallinja App toffri wkoll benefiċċji addizzjonali għad-detenturi ta’ Tallinja Card, fosthom l-abbiltà li jiċċekkjaw il-bilanċ tal-kard tagħhom, jagħmlu top-up fuq il-kard tagħhom, jaraw it-transaction history tagħhom, u jippjanaw il-vjaġġ tagħhom billi jużaw il-mappa tal-app u l-istima tal-ħin tal-wasla. Permezz tat-teknoloġija tal-GPS, l-app tqabbel il-post ta’ kull tal-linja ma’ fejn hi ppjanata li tasal u tikkalkula l-ħin tal-wasla fuq kull waħda mill-+2,000 bus stop madwar Malta u Għawdex.

Ekonomija

Sport