Friday, April 19, 2024

Mis-sena l-oħra ‘l hawn 4,831 aktar ħaddiema barranin

L-EKONOMIJA TKOMPLI TIKBER…

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Minn mindu pajjiżna sar membru tal-Unjoni Ewropea, bħall-bqija tal-pajjiżi membri tal-blokk, fetaħ il-bibien tiegħu għal ħaddiema barranin, riżors uman importanti f’ekonomija dejjem tikber u tiżviluppa bħalma hija tagħna. Dan għalkemm, illum il-ġurnata, il-pajjiżi li jiġu minnhom dawn il-ħaddiema mhuwiex esklussivament mill-Blokk Ewropew.

F’pajjiżna għandna ħaddiema minn diversi pajjiżi madwar id-dinja fosthom dawk fil-UE, kif ukoll minn pajjiżi bħalma ilhom jiġu ħaddiema mis-Serbja li jiffokaw l-aktar fis-settur tal-kostruzzjoni, kif ukoll ħaddiema oħra, aktar riċenti, mis-Sirja, mill-Pakistan, mill-Indja u mill-Filippini. Dawn tal-aħħar nsibuhom f’diversi setturi tax-xogħol barra dak tal-kostruzzjoni fosthom tas-saħħa, trasport u catering.

Kważi terz tal-ħaddiema kollha f’Malta

L-influss ta’ dawn il-ħaddiema barranin, tul is-snin baqa’ jikber tant li llum il-ġurnata dawn jirriżultataw li laħqu kwazi terz (30.5%) mit-total tal-ħaddiema kollha f’Malta li bħalissa huwa ta’ 290,995 persuna. Dawn iċ-ċifri ngħataw f’risposta parlamentari mill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana fejn ikkonferma li n-numru tal-ħaddiema barranin f’Malta preżentament huwa ta’ 88,687.

Mill-informazzjoni li ta, naraw kif mis-sena 2022 kien hemm żieda fuq in-numru ta’ ħaddiema barranin f’Malta. Fil-fatt, matul is-sena 2022 it-total ħaddiema f’pajjiżna kien ta’ 283,341 li minnhom, 83,856 (29.6%) kienu ħaddiema barranin. Iż-żieda mis-sena l-oħra għal din rikorrenti għaldaqstant hija ta’ 4,831 jew 0.9%.

Il-Ministru Caruana kien qiegħed jirrispondi għal mistoqsija li saritlu mid-Deputat Nazzjonalista, Ivan Bartolo u kien qiegħed jikkwota bħala sors ta’ din l-informazzjoni, l-Istħarriġ dwar il-Ħaddiema u s-Suq tax-Xogħol (LFS) għal Q4 2022.

Sadanittant, minn mistoqsija parlamentari oħra li kien għamel l-istess deputat tal-PN, Ivan Bartolo, il-Ministru Caruana kien ta informazzjoni dwar in-numru ta’ ċittadini mill-Kolombja, min-Nepal, mill-Indja u mill-Pakistan li kienu qegħdin jaħdmu Malta fl-aħħar ta’ Ottubru 2022.

Hawn irriżulta li mill-Kolombja kien hemm 2,050 ħaddiema; min-Nepal total ta’ 5,334; mill-Indja, bl-akbar ammont fost dawn l-erba’ pajjiżi, kien ta’ 9,527; mentri mill-Pakistan kien hemm 1,899 persuni oħra li jaħdmu Malta.

Sport