Matul il-Kunsill tal-Enerġija tal-Unjoni Ewropea, il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli tkellmet fuq l-importanza ta’ kif għandhom jittieħdu miżuri speċifiċi u addattati għal kull Stat Membru, b’mod partikolari Stati Membri żgħar bħal Malta. F’kuntest ta’ kriżi internazzjonali tal-enerġija, il-Ministru Miriam Dalli saħqet id-determinazzjoni ta’ Malta li tassigura stabilità fil-prezzijiet tal-enerġija fil-gżejjer Maltin.
Il-Ministri Ewropej għall-Enerġija ltaqgħu fi Brussell, fejn il-Ministru Dalli enfasizzat fuq l-importanza li jiġu identifikati soluzzjonijiet biex jindirizzaw il-kriżi tal-enerġija, madwar il-pajjizi fl-Unjoni Ewropea. Dawn il-miżuri, partikolarment għal Stati Membri żgħar, hemm bżonnhom biex isostnu l-industriji u jipproteġu lill-familji u lin-negozji.
Il-Ministru Miriam Dalli stqarret kif pajjiżna qed tesplora iktar investiment f’sorsi ta’ enerġija iktar nadifa. “Malta qed tkompli taħdem biex issaħħaħ il-kapaċità tal-enerġija u tipprovdi sorsi alternattivi ta’ enerġija li huma nodfa u jistgħu jassiguraw sigurtà fil-provvista u prezzijiet stabbli. Jeħtieġ li l-Kummissjoni Ewropea tagħti l-appoġġ tagħha lil dawn il-proġetti,” stqarret il-Ministru Dalli.
Bi preparazzjoni għall-Kunsill tal-Ministri, l-Aġenzija għall-Korporazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) għamlet evalwazzjoni preliminari li ġew diskussa fil-fond, bi proposti ta’ kif l-UE tista’ tindirizza ż-żieda fil-prezzijiet. Il-Ministru Dalli qalet li l-Kummissjoni għandha tħares lejn soluzzjonijiet b’saħħithom biżżejjed, fil-każ tal-possibilità li ż-żieda tal-prezzijiet tittawwal aktar minn dak li kien qed jiġi previst fil-bidu.
“Dan huwa preċiżament għala l-Kummissjoni Ewropea għandha bżonn tassisti lill-iStati Membri li għandhom speċifikazzjonijiet nazzjonali li jirrikjedu soluzzjonijiet tailor-made. Huwa kruċjali li kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll dak Ewropew nkomplu nissalvagwardjaw sigurtà tal-provvista filwaqt li nkomplu nsibu aktar soluzzjonijiet li jindirizzaw il-volatilità fil-prezzijiet,” qalet Miriam Dalli.