Saturday, May 4, 2024

Ronaldo jista’ jiġi interrogat fuq id-‘dokument sigriet’

Aqra wkoll

Skond il-midja Taljana, il-Prosekutur Pubbliku ta’ Turin jista’ jinterroga lil Cristiano Ronaldo (ritratt) bħala parti mill-investigaz­zjoni dwar il-kontabbiltá falza li tinvolvi lil Juventus.

Andrea Agnelli, Pavel Nedved, Fabio Paratici kif ukoll diretturi oħra attwali u eks-diretturi ta’ Juventus jinsabu taħt investigazzjoni għall-allegati rregolaritajiet fil-kontabilità tal-club.

B’xi mod hemm involut ukoll l-eks stilla tal-Bianconeri, Cristiano Ronaldo, għalkemm il-Portugiż mhux fost dawk investigati.

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku qed jeżamina każ li jikkonċerna lil CR7 u ftehim ‘sigriet’ mal-Vecchia Signora.

Skond diversi rapporti fl-Italja, hemm diskursati bit-telefon fejn id-diretturi ta’ Juventus jitkellmu dwar ‘dokument famuż li teoretikament ma kellux jeżisti,’ iżda l-investigaturi għadhom ma sabux id-dokument u d-diretturi ta’ Juventus interrogati mill-Prosekutur allegatament naqsu milli jispjegaw in-natura tal-ftehim ma’ Ronaldo.

Il-Portugiż kien fost il-players li ċedew is-salarji tagħhom f’Marzu, April, Mejju u Ġunju 2020, biex jgħinu lill-club fil-quċċata tal-pandemija tal-Covid-19, iżda f’każ ta’ bidu mill-ġdid tal-attività, kienu jiddiskutu l-integrazzjoni tar- remunerazzjoni fis-sena ta’ wara.

Madankollu, il-ftehim jista’ saħansitra jikkonċerna l-paga ta’ severanza mogħtija lil Ronaldo minn Juventus meta huwa rritorna ma’ Manchester United fis-sajf li għadda.

Il-Prosekutur Pubbliku jrid ikollu idea ċara dwar għaliex l-ftehim ma ġiex ippubblikat jew ikkommunikat lill-awto­ritajiet kompetenti. Għalhekk, matul il-ġimgħat li ġejjin Ronaldo jista’ jiġi mistoqsi biex jagħti stampa ċara tas-sitwazzjoni.

Sport