Wednesday, April 24, 2024

Cristiano Ronaldo l-aqwa skorer ta’ kull żmien?

Aqra wkoll

Cristiano Ronaldo sar l-ewwel plejer fl-istorja li skorja 800 gowl tal-ogħla livell fil-karriera tiegħu meta skorja darbtejn għal Manchester United fir-rebħa ta’ 3-2 fuq Arsenal nhar il-Ħamis.

Din id-doppjetta kienet tweġiba f’waqtha minn  Ronaldo għal suġġerimenti riċenti li l-istil ta’ logħob tiegħu jista’ ma jkunx jaqbel mal-istil tal-pressing  tal-manager temporanju Ralf Rangnick, li kien f’Old Trafford għall-ewwel darba mill-ħatra tiegħu biex jara lill-Portugiż jilħaq il-punt ta’ referenza notevoli.

U l-Ġermaniż ma jistax jonqos li kien impressjonat mill-player ta’ 36 sena.

Dawn iż-żewġ goals ta’ Ronaldo tellgħu t-total għal 130 gowl f’żewġ perjodi għall-United, li żiedu ma’ ħamsa għal Sporting Lisbon, 450 għal Real Madrid, 101 għal Juventus u 115 għall-Portugall.

Huwa l-aqwa skorer ta’ kull żmien fil-futbol internazzjo­nali tal-irġiel, fiċ-Champions League u għal Real Madrid.

L-aqwa skorer ta’ kull żmien tal-Premier League, Alan Shearer, qal: 

“Wieħed irid jammira lil dan il-player.  Hija d-determinazzjoni tiegħu. Diffiċli ħafna li tasal fil-quċċata iżda hija aktar diffiċli li tibqa’ hemm fuq ukoll. Huwa biss fenomenali dak li għamel.”

Il-kollega ta’ Ronaldo fit-team ta’ Manchester United u tal-Portugall, Bruno Fernandes żied jgħid:

“Inkredibbli. Ilkoll nafu li qed jerġa’ jitjieb ma’ kull partita li jilgħab. Huwa jaf kif jimmotiva lilu nnifsu anke meta l-affarijiet ma jkunux sejrin kif mixtiqin.”

M’hemm l-ebda database ċentrali biex jiġi stabbilit l-aqwa skorer ta’ kull żmien, ​​iżda Ronaldo żgur li jinsab fil-quċċata tal-klassifika għal-logħob uffiċjali f’livell għoli.

L-assoċjazzjoni tal-futbol Ċeka tgħid li Josef Bican, li lagħab fiċ-Ċekoslovakkja u fl-Awstrija, skorja 821 goal f’partiti uffiċjali. X’imkien ieħor l-ammont tiegħu huwa dak ta’ 805 – iżda dawk jinkludu goals internazzjonali tat-team B u mhumiex uffiċjali.

Il-leġġendarji Brażiljani, Pele u Romario, isostnu separatament li skorjaw aktar minn 1,000 gowl kull wieħed, iżda qed jgħoddu l-partiti ta’ ħbiberija … għax dawk uffiċjali jinżlu għal madwar 700.

Sport