Monday, April 22, 2024

IR-REGOLI TAL-INGAĠĠ POLITIKU

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Kif in-nies avversarji fil-politika jqisu lil, u jinnegozjaw ma’ xulxin hu suġġett tal-akbar interess. Matul l-għażliet politiċi l-kbar li joħolqu tensjonijiet enormi bejn individwi, jidħlu wkoll ambizzjonijiet u kompetizzjoni personali akuti. Dawn jikkaratterizzaw kwalunkwe ġlieda għall-poter. L-aqwa demokraziji huma dawk fejn it-tensjonijiet maħluqa f’dal-proċess ma jipparalizzawx il-ħila ta’ soċjetà biex tasal għal deċiżjonijiet meħtieġa, anzi jwassluhom eqreb.

Biss hemm modi differenti kif dawn it-tensjonijiet jieħdu sura. Tnejn li joħolqu kuntrast kbir bejniethom jinqalgħu f’sistemi parlamentari dominati minn żewġ partiti li jirbħu “kollox” u jidħlu fil-gvern; jew jitilfu “kollox” u jmorru fl-oppożizzjoni — imqabbla ma’ sistemi fejn il-gvernijiet ikunu koalizzjoni magħmula minn żewġ partiti jew aktar.

Fejn hemm żewġ partiti dominanti, il-kontroversja politika tkun aktar ħarxa, aktar personalizzata. Jew tirbaħ jew titlef fiha. Fejn id-drawwa hi ta’ koalizzjonijiet, trid tibqa’ lura minn konfront totali għax ma tafx għadx jiġi żmien… anke fil-viċin… meta se jkollok tfittex ftehim għada biex tikkopera, ma’ min qed tikkonfronta llum.

***

TATTIKA TAL-PN

Naħseb li għandu raġun ħabib tiegħi li jispjega l-problemi politiċi li qed jaffaċċja l-Partit Nazzjonalista hekk: Wara l-elezzjoni tal-2013, il-PN naqas milli jwettaq djalogu mifrux u profond man-nies tal-qalba tiegħu, ħalli jagħtihom ħerqa għall-futur. Fuqha, kien iwettaq bidliet meħtieġa biex jaġġorna ruħu. Imbagħad ħalla lir-rappreżentanti tiegħu jinqasmu bejniethom, li kompla jissussalu l-għeruq. Partit b’kontestazzjoni minn ġewwa jitlef ħafna kreditu mal-elettorat.

Dal-ħabib jiddubita kemm l-hekk imsejħa qasma bejn konservattivi u liberali fi ħdan il-PN tiswa daqstant biex tfisser xinhu jiġri. L-istess diviżjoni teżisti f’kull partit, igħid. Kieku l-PN ma nqatax mill-qalba, iġġedded u rnexxielu jrażżan il-firda, konservattivi u liberali kienu jsibu kif jgħixu flimkien.

***

STEPHEN SONDHEIM

L-isem ta’ Stephen Sondheim (ma’ dak ta’ Leonard Bernstein) nassoċjah ma’ xogħol mużikali wieħed… “West Side Story” — għalkemm Sondheim kiteb bosta kapolavuri oħra. Dejjem ħassejtni impressjonat b’dak il-musical li fi ftit mumenti jaqleb ir-reġistri ta’ emozzjoni u bi ftit kliem jesprimi l-aqwa tamiet u dispramenti.

Kien juri żgħażagħ maqbuda fi drawwiet u ċirkostanzi li jżommuhom marbuta ma’ imġiba miruta li toħnoq il-mod kif jistgħu jgħixu ħajja aħjar. Meta kont żagħżugħ fil-Malta tas-snin 60 tas-seklu l-ieħor il-messaġġ ta’ “West Side Story” kont narah qawwi ħafna u effettiv fil-lant artistiku li bih ittella’. Tant li fl-aħħar xena ta’ rumanz li ktibt dak iż-żmien, “L-Ewwel Weraq tal-Bajtar”, daħħalt referenzi sħaħ għal waħda mill-kanzunetti tal-musical.

Ħsibt f’dan kollu meta qrajt l-artikli li dehru dwar il-mewt ta’ Sondheim.

Sport