Friday, March 29, 2024

Malta se tikkompeti għall-ewwel darba fil-Kampjonati Dinjija tal-Ġinnastika

Aqra wkoll

Malta sa fl-aħħar ikkwalifikat għall-ewwel darba bħala pajjiż li se tikkompeti fil-Kampjonati Dinjija tal-Ġinnastika wara prestazzjoni pożittiva ħafna mill-ġinnasti Tara Vella Clark u Ella Borg waqt il-Kampjonati Ewropej tal-Ġinnastika Artistika li saru f’ Munich, fil-Ġermanja.

Tara u Ella se jkunu qed jikkompetu fil-Kampjonati Dinjija li se jsiru f’Liverpool bejn id-29 ta’ Ottubru u s-6 ta’ Novembru.

Tara Vella Clark li għandha sittax-il sena u Ella Borg li għandha tmintax-il sena, bdew u komplew il-karriera tagħhom fil-ġinnastika ma’ Gymstars meta kien għad kellhom ħames snin u tlett snin rispettivament. Matul is-snin, u mmexxija mill-kowċ tagħhom Nataliya Pantileeva, Tara u Ella għamlu isem għalihom billi kisbu diversi unuri personali u għall-klabb tagħhom, li lejh baqgħu leali sal-lum.

Fost l-aktar unuri prestiġġjużi aktar riċenti tagħha, Tara kisbet mument storiku għaliha u għal Malta meta f’Diċembru 2020 ikkwalifikat għall-finali tal-Kampjonati Ewropej fit-Turkija fejn kisbet it-tmien post waqt l-istess finali. F’Jannar 2021, Tara rebħet l-unur ta’ l-Atleta tax-Xahar ta’ Atlas u f’Ġunju ta’ l-istess sena, ħadet sehem fit-Tazza tad-Dinja tal-Ġinnastika fil-Kroazja fejn irnexxielha tikseb riżultati pożittivi. Bħalissa tinsab fit-tieni pożizzjoni biex tirbaħ it-titlu ta’ Senior National Champion.

Ella Borg rebħet it-titlu ta’ Senior National Champion għal tlett snin fuq xulxin. F’Marzu 2022 ħadet sehem fit-Tazza tad-Dinja f’Doha fejn ikkwalifikat għall-finali fuq il-bars. Hija kienet ukoll nominata għall-Unur ta’ Female Sports Youth of the Year ta’ SportMalta. F’Ġunju, flimkien ma’ Tara, ħadet sehem fit-Tazza tad-Dinja tal-Ġinnastika fil-Kroazja fejn hi wkoll kisbet riżultat pożittiv.

Tara hija l-ewwel ġinnasta Maltija li qatt ikkwalifikat għall-Kampjonati tad-Dinja li se jsiru f’Liverpool u li għalihom, 13-il tim u 23 ġinnasta individwali biss setgħu jikkwalifikaw. Dan ifisser li Tara se tikkompeti kemm fl-erba’ dixxiplini kif ukoll fl-all-round event. Ella ikkwalifikat bħala event specialist fuq il-bars, beam u floor.

Ekonomija

Sport