Malta ngħaqdet mal-kumplament tad-dinja biex tat l-aħħar tislima lir-Reġina Eliżabetta II, li mietet fit-8 ta’ Settembru fl-età ta’ 96 sena.
Parti minn din it-tislima kienet li l-bnadar f’postijiet pubbliċi ttajru mezz’asta kif għamlu wkoll uħud ta’ Maltin li b’xi mod kellhom rabta mas-servizzi Ingliżi.
Il-qofol tat-tislima kien salut ta’ 21 tir mill-kanuni tal-Forzi Armati ta’ Malta fil-Barrakka ta’ Fuq. Dan is-salut huwa riservat biex jonora personaġġi jew avvenimenti ta’ portata nazzjonali.
Ir-Reġina li ngħatat dan is-salut, minbarra li kienet monarka kellha wkoll rabta ma’ pajjiżna fejn għamlet xi żmien tgħix f’Malta, eżattament f’Villa Guardamanga, qabel ma ġiet inkurunata Reġina. Apparti minn hekk hija kienet ukoll il-Kap tal-Commonwealth.
Għall-funeral statali tar-Reġina, f’isem il-poplu Malti u Għawdxi, attenda l-President ta’ Malta Dr George Vella.