Friday, April 26, 2024

Malta tiċċelebra l-Jum Dinji kontra l-Omofobija, it-Transfobija u l-Bifobija

Aqra wkoll

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji kontra l-Omofobija, it-Transfobija u l-Bifobija – IDAHOT – is-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza organizza business breakfast sabiex ikun hemm aktar diskussjoni fuq il-ħtieġa li pajjiżna jibqa’ jaħdem favur politika ta’ ugwaljanza.

Il-konferenza kellha s-sehem tal-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza Helena Dalli, li matulha semmiet ix-xogħol li qed isir biex l-Unjoni Ewropea tkun l-aġent ewlieni tal-inklużjoni soċjali u r-rispett lejn id-drittijiet fundamentali tal-persuni LGBTIQ+ fl-istati membri kollha.

Waqt id-diskussjoni, li għaliha attendew numru ta’ rappreżentanti mis-soċjetà ċivili u għaqdiet mhux governattivi, spikkat ir-referenza lejn il-progress leġiżlattiv li sar f’Malta fl-aħħar disa’ snin biex illum pajjiżna huwa rikonoxxut bħala l-aqwa fl-Ewropa fil-protezzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni LGBTIQ+. Madankollu, huma fissru kif għad baqa’ ħafna xi jsir biex tassew nindirizzaw l-istigma u l-mentalità diskriminatorja li għadha teżisti f’ċertu oqsma tas-soċjetà.

Fid-diskors tagħha, is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg spjegat numru ta’ inizjattivi li joħorġu mill-manifest elettorali u li se jiggwidaw il-ħidma tal-gvern matul din il-leġiżlatura. Ewlenin fosthom hemm it-twaqqif ta’ ċentru għal komunità LGBTIQ+ u l-implimentazzjoni ta’ Pjan Nazzjonali dwar l-Ugwaljanza u mainstreaming tal-liġijiet proposti.

“Il-kostituzzjoni ta’ pajjiżna tpoġġi l-pedament biex f’pajjiżna nkunu stmati lkoll ugwali. Iżda nafu wkoll li dik tingħata l-ħajja minn min ikun qed imexxi. Ottimista li bil-mod kif ħdimna bħala gvern tul dawn is-snin se nkomplu naħdmu biex b’dawn il-miżuri ntejbu l-ħajja tan-nies ta’ madwarna u tat-tfal li għadhom iridu jitwieldu,” qalet is-Segretarju Parlamentari Buttigieg.

Intant, waqt id-diskussjoni spikkaw kummenti ta’ persuni li nnutaw il-kisbiet kbar fil-qasam tad-drittijiet ċivili.

Joanne Sciberras Edwards spjegat kif ingħatat ħajjitha lura wara li ġie rispettat il-ġeneru tagħha, filwaqt li Noel Vella Galea fisser is-sodisfazzjon li l-proċess tal-adozzjoni ta’ koppji LGBTIQ+ huwa l-istess bħal dak ta’ koppji eterosesswali.

Sport