Wednesday, December 25, 2024

Malta tiffirma l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar il-bejgħ tal-vapuri b’subbasta

Seba’ pajjiżi jiffirmaw il-konvenzjoni f’ċerimonja tal-iffirmar speċjali f’Malta

Aqra wkoll

Malta u sitt pajjiżi oħra ffirmaw il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar l-Effetti Internazzjonali tal-Bejgħ tal-Vapuri b’Subbasta waqt ċerimonja tal-iffirmar speċjali li saret fil-Palazz Verdala, is-Siġġiewi.

Iċ-ċerimonja tal-iffirmar, it-tieni waħda tax-xorta tagħha minn meta n-Nazzjonijiet Magħquda adottat din il-konvenzjoni fl-2022, kienet ippreseduta mill-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono u organizzata mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ flimkien man-Nazzjonijiet Magħquda u Comité Maritime International (CMI). Fost il-kelliema waqt iċ-ċerimonja kien hemm il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett u l-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard.

Delegazzjonijiet mill-Antigua & Barbuda, il-Kroazja, il-Kosta tal-Avorju, l-Italja u Spanja kienu f’Malta biex jiffirmaw il-Konvenzjoni waqt l-istess ċerimonja.

Id-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni mistenni li jwassal għal titjib konsiderevoli fis-settur globali tat-trasport bil-baħar, hekk kif se jsaħħaħ iċ-ċertezza legali billi joħloq struttura uniformi fuq l-effett tal-bejgħ tal-vapuri b’subbasta, li jiżgura li bejgħ li jsir fi stat wieħed ikollu l-effett li jagħti titlu nadif lix-xerrej f’kull stat ieħor. B’hekk jiġi eliminat ir-riskju li l-istess vapur jerġa’ jinqabad għal talbiet minn drittijiet jew interessi pre-eżistenti.

Il-Ministru Ian Borg spjega li Malta ospitat din iċ-ċerimonja sabiex b’mod attiv tikkontribwixxi għad-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni, billi tipprovdi l-opportunità biex aktar pajjiżi japprovawha. Dawk midħla ta’ dan is-settur madwar id-dinja qed iqisu li din hija waħda mill-aktar konvenzjonijiet marittimi importanti f’dawn l-aħħar snin, biex tipprovdi ċertezza u stabilità f’qasam tal-kummerċ internazzjonali li huwa responsabbli mit-trasport ta’ 90% tan-negozju madwar id-dinja.

“Qed ngħixu fi żminijiet bi sfidi partikolari għall-ordni dinjija. Is-settur marittimu huwa espost għal dawn l-isfidi u huwa kruċjali li nkomplu nieħdu aktar passi tanġibbli lejn strutturi universali li jistgħu jagħtu aktar ċertezza,” qal il-Ministru Borg.

Il-Ministru Jonathan Attard stqarr li “fit-tradizzjoni legali marittima ta’ Malta, għandna storja twila ta’ rispett lejn il-ġustizzja u l-ekwità fit-tranżazzjonijiet marittimi. Bħala ġurisdizzjoni marittima prominenti fil-Mediterran, Malta kisbet għarfien b’saħħtu f’kull qasam tal-liġi marittima. Pajjiżna ilu b’mod attiv jieħu sehem u jappoġġja din il-Konvenzjoni u issa li l-proċessi tal-UE relatati tlestew, inħares ’il quddiem li nara aktar stati membri jadottawha”.

“Peress li l-Kummissjoni Ewropea trid tadotta deċiżjoni oħra li tippermetti lill-istati membri biex jirratifikaw din il-Konvenzjoni, Malta tħares ‘il quddiem li s-soċjetajiet u l-organizzazzjonijiet tagħna jkunu jistgħu jibdew jużaw it-titjib ta’ din l-istess Konvenzjoni,” żied jgħid il-Ministru Attard.

Il-Ministru Chris Bonett qal li l-introduzzjoni taċ-Ċertifikat tal-Bejgħ bis-Subbasta se jissimplifika l-proċess li bih jiġu trasferiti u rreġistrati l-vapuri, u dan jipprovdi ċ-ċertezza u l-uniformità li din l-industrija tant għandha bżonn.

“Il-qagħda ekonomika ta’ Malta għandha rabta mill-qrib mat-trasport marittimu, b’aktar minn 22,000 ħaddiema, minn ħaddiema tal-port għal rappreżentanti legali, li lkoll jaqilgħu l-għajxien tagħhom minn dan is-settur, li jikkontribwixxi 16% tal-Prodott Gross Domestiku. Għalhekk, li nsaħħu l-prodott marittimu tagħna dejjem huwa pass ‘il quddiem li dan il-Gvern lest iwettaq. L-iffirmar ta’ Malta ta’ dan it-trattat internazzjonali, u l-ħidma biex inżidu l-armonizzazzjoni mal-komunità internazzjonali jagħtina aktar kredenzjali b’saħħithom f’industrija li fiha minn dejjem konna fuq quddiem nett,” temm jgħid il-Ministru Bonett. 

Iċ-ċerimonja kienet indirizzata wkoll minn José Angelo Estrella-Faría mill-Uffiċċju tal-Affarijiet Legali tan-Nazzjonijiet Magħquda, Ann Fenech, President ta’ CMI, Richard Sonnenschein mid-Direttorat Ġenerali tal-Ġustizzja u l-Konsumaturi tal-Kummissjoni Ewropea, u Dorota Lost-Sieminska mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali. L-iffirmar tal-Konvenzjoni tmexxa minn David Nanopoulos, Kap tat-Taqsima tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Magħquda.

Ekonomija

Sport