Monday, April 29, 2024

Malta tikseb konklużjonijiet importanti dwar is-Suq Waħdieni

- Il-PM Robert Abela fi Brussell għal Summit Informali tal-Kunsill Ewropew

Aqra wkoll

Is-Suq Waħdieni jrid jindirizza l-isfidi iżda fuq kollox jilħaq l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini kollha fl-Unjoni Ewropea u l-intrapriżi li jaħdmu fih. Messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru Robert Abela f’Kunsill Ewropew Informali bejn il-Mexxejja Ewropej li tlaqqa’ fi Brussell u tratta diversi temi fosthom il-kompetittività u s-Suq Waħdieni.

Konklużjonijiet ewlenin minn dan il-Kunsill b’rabta ma’ dawn it-temi jirriflettu pożizzjonijiet konsistenti li ħadet Malta favur Suq Waħdieni ġust għal kulħadd fosthom fil-qasam tal-mediċini u anki l-importanza li intrapriżi żgħar u medji jkomplu jimirħu. Fil-fatt il-Kunsill qabel favur aktar simplifikazzjoni ta’ proċeduri minn awtoritajiet li jmissu magħhom in-negozji u l-mira hi li l-burokrazija f’dan ir-rigward tonqos b’25%.

Il-Mexxejja Ewropej qablu wkoll fuq il-ħtieġa ta’ ftehim għall-kompetittività fl-Ewropa li jkompli jixpruna biex l-intrapriżi jaħtfu opportunitajiet li bihom ikollhom operat iżjed sostenibbli fl-ambjent u jagħmlu l-qalbiet li jmiss, jiġifieri dik diġitali u l-ħadra.

F’dan il-Kunsill, l-eks Prim Ministru Taljan Enrico Letta, li tqabbad mill-Unjoni Ewropea biex jagħmel rapport fuq is-Suq Waħdieni, ippreżenta r-rapport tiegħu, b’Malta tgħid li se tkun qed tanalizza fid-dettall dan ir-rapport wara li laqgħet il-fatt li Letta kkonsulta lill-Gvern Malti fit-tfassil ta’ dan ir-rapport b’laqgħa li kellu f’Malta f’Jannar li għadda. Il-Gvern issa se jitlob il-veduti tal-imsieħba soċjali fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, fuq dan ir-rapport.

Il-Prim Ministru Malti nnota li f’oqsma differenti bħall-enerġija u l-aċċess għall-mediċina, is-Suq Waħdieni jrid juri tabilħaqq li qiegħed hemm għal kulħadd b’mod ekwu, inkluż għal Stati Membri żgħar u fil-periferija tal-Ewropa, bħal ma’ hi Malta. Il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka wkoll dwar argumenti li ilha tpoġġi Malta u issa jinsabu issiġillati f’konklużjonijiet ta’ dan is-Summit dwar prinċipju ewlieni li l-Unjoni Ewropea trid aktar tħares lejh meta tfassal leġislazzjonijiet.

Hawn kien qed jirreferi dwar impatti fuq stati żgħar u mhux politika ta’ one-size-fits-all. Dan qal li jgħodd għas-settur agrikolu biex nipproteġu l-bdiewa u r-raħħala meqjusa bħala s-sinsla fis-sigurtà tal-ikel u anki japplika fil-Pakkett tal-Mobbiltà. Qal li jilqa’ l-fatt li l-Unjoni Ewropea qed tħares li tnaqqas il-piż fuq intrapriżi u awtoritajiet lokali marbut ma’ regolar żejjed li jxekkel il-kompetittività.

Il-Kunsill tratta wkoll l-kwistjoni tal-moviment tal-kapital bil-għan li jiġi mmobilizzat investiment minn flejjes privati b’mod strateġiku u f’qafas ta’ regolamenti maqbul.

Fil-Kunsill Ewropew, il-Mexxejja ddiskutew ukoll is-sitwazzjoni fl-Ukrajna u fil-Lvant Nofsani fejn issemmiet anki s-sitwazzjoni fil-Libanu bi ġlied bejn qawwiet Iżraeljani u l-ġellieda tal-Hezbollah. Il-Prim Ministru Malti tenna l-pożizzjoni konsistenti ta’ Malta favur il-paċi u l-waqfien permanenti mill-ġlied anki b’konformità mal-addozzjoni ta’ riżoluzzjonijiet addottati mill-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda, li pajjiżna preżentament qed jippresiedi.

Dr Abela tkellem kontra l-esklazzjoni tal-ġlied fil-Lvant Nofsani anki minħabba l-periklu li l-kunflitt ikompli jinfirex wara l-aħħar tensjonijiet bejn l-Iran u l-Iżrael.

Il-Mexxejja Ewropej iddiskutew ukoll ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija mhux biss b’rabta ma’ koperazzjoni kummerċjali bejn iż-żewġ naħat iżda anki fuq kwistjonijiet ġeo-politiċi li jolqtu Stati Membri bħall-Greċja u Ċipru.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport